Join Us On:

News Archive

MONS. ĠUŻEPPI FARRUGIA DIRETTUR SPIRITWALI ĠDID

Is-Soċjetà Filarmonika “La Stella” tal-belt Victoria, b’ferħ kbir tħabbar in-nominazzjoni ta’ Mons. Ġużeppi Farrugia bħala d-direttur spiritwali ġdid tas-Soċjetà u kappillan tal-banda ċittadina u dekana “La Stella”. Mons. Ġużeppi Farrugia huwa arċipriet emeritu tal-knisja proto-parrokkjali u arċi-matriċi ta’ San Ġorġ Martri tal-belt Victoria. Huwa mexxa din il-parroċċa ewlenija ta’ gżiritna f’dawn l-aħħar disa’snin. F’Settembru 2007 huwa ġie maħtur mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech bħala delegat tiegħu għall-edukazzjoni u l-kultura.

Mons. Farrugia, li huwa professur tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta u fis-Seminarju Maġġuri tad-djoċesi t’Għawdex, ser jieħu post il-mibki u żgur qatt minsi Mons. Salv Borg, arċipriet emeritu tal-bażilika ta’ San Ġorġ li ħalla din id-dinja, nhar is-27 ta’ Settembru 2007. L-għażla għad-direttur spiritwali tas-Soċjetà mill-ewwel waqgħet fuq Mons. Farrugia, saċerdot li l-istess bħall-predeċessur tiegħu għandu għall-qalbu ħafna s-Soċjetà “La Stella” – soċjetà li dejjem ħadmet fl-interessi tal-parroċċa ta’ San Ġorġ. Fiż-żmien meta kien ir-ragħaj spiritwali tal-parroċċa Ġorġjana huwa ħadem fil-qrib ħafna tas-Soċjetà u issa bla dubju ser jaħdem ferm aktar mill-qrib – fil-qalba tas-Soċjetà li huwa dejjem stima u ħabb.

Nhar il-Ħadd 20 ta’ Jannar ser issir iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-inawgurazzjoni ta’ din il-ħidma ġdida tiegħu fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika “La Stella”. Ser issir konċelebrazzjoni solenni fil-bażilika ta’ San Ġorġ Martri, għall-banda, għall-membri kollha tas-Soċjetà, kif ukoll għall-partitarji u parruċċani, bis-sehem tal-kor tal-parroċċa “Laudate Pueri”. Aktar dettalji dwar dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jitħabbru fil-ġranet li ġejjin fuq dan is-sit.

MERĦBA MILL-ĠDID FOSTNA MONS. FARRUGIA

NAWGURAWLEK BOSTA SNIN TA’ ĦIDMA FOSTNA, B’RISQ IS-SOĊJETÀ FILARMONIKA “LA STELLA”