Join Us On:

News Archive

MINN FESTA GĦAL OĦRA

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet il-banda kompliet għaddejja bis-servizzi tagħha marbuta mal-istaġun tal-festi: din id-darba fir-raħal tal-Fontana fejn ġiet iċċelebrata l-festa tal-Qalb ta’ Ġesu’. F’din il-festa, li hija għal qalb ħafna l-partitarji tal-Istilla, il-banda tat żewġ servizzi: wieħed lejlet il-festa li kien jikkonsisti f’marċ brijuż u ntemm fil-pjazza bl-esekuzzjoni tal-innu l-kbir; u l-għada l-Ħadd jum il-festa fejn il-banda wara li daqqet l-innu l-kbir, ħadet sehem fil-purċissjoni bid-daqq ta’ marċi reliġjużi.

U għalhekk wara s-servizzi fil-festi tal-Munxar u tal-Għasri u tnejn oħra fil-Fontana jmiss issa x-Xewkija u n-Nadur. Prattikament kważi f’kull festa li qed tiġi ċċelebrata f’Għawdex ser tara u tisma lill-banda tagħna! Fix-Xewkija, il-banda ġiet mistiedna tagħti s-servizz tagħha f’jum il-festa b’marċ u programm mużikali fil-pjazza tar-Rotunda waqt li tkun għaddejja l-purċissjoni. Fin-Nadur imbagħad, il-banda ser tieħu sehem fil-marċ ferm popolari ta’ lejlet il-festa nhar it-Tlieta 28 ta’ Ġunju. Il-marċ jibda fl-10.00pm wara l-ispettaklu tal-logħob tan-nar tal-ajru.

Il-Ħadd ta’ wara, għall-banda tagħna jkun jum ta’ mistrieħ għall-banda qabel ġimgħa intensiva li tibda l-Ħadd 10 ta’ Lulju b’marċ fl-okkażjoni tal-prima messa tas-saċerdot Dun Simon M. Cachia, u tkompli bl-impenji ferm numerużi marbuta mal-festa ta’ beltna.