Join Us On:

News Archive

“MIMÌ … MIMÌ”

“Mimì … Mimì”. Kif kien mistenni l-aħħar kelmiet ta’ Rodolfo nisslu dieqa u kommozzjoni f’dawk kollha preżenti fit-Teatru Astra l-bieraħ filgħaxija, waqt l-aħħar sekondi tal-opra La Boheme. L-atmosfera kienet dik li kellha tkun, taħlita ta’ emozzjonijiet b’mumenti ta’ attrazzjoni bejn il-koppji protagonisti, mumenti ta’ komiċità, mumenti ta’ splendur, oħrajn ta’ niket u dieqa bħalma rajna fl-aħħar xena meta tmut Mimì. Il-kummenti pożittivi li rċevejna f’dawn il-jiem huma nkoraġġanti ferm u huwa dan li jagħmlilna kuraġġ biex inkomplu ntejbu dejjem aktar il-produzzjonijiet tagħna. Madanakollu l-aqwa konferma hija dik li nies li attendew għal xi waħda mir-rappreżentazzjonijiet ta’ La Boheme diġa avviċinawna biex jibbukkjaw għal Aida tas-sena d-dieħla.

Dan is-suċċess ma waqax mis-sema, imma sar b’ħafna u ħafna xogħol kemm minn voluntiera tat-Teatru Astra kif ukoll minn nies professjonisti fil-qasam tagħhom. L-ewwel prosit imur lill- kantanti bravi li kellna, kemm dawk Maltin bħal Miriam Cauchi, Louis Andrew Cassar u Mario Portelli, kif ukoll lil dawk barranin bħal Leonardo Caimi, Oana Andra, Devid Cecconi, Gabriele Sagona u Miguel Rosales. Ta’ min ifaħħar ukoll lil Enrico Stinchelli, id-direttur artistiku, għall-ideat u kreattività tiegħu li flimkien mal-assistenti tal-produzzjoni u x-xenografu Joseph Cauchi, irnexxielhom idaħħluna fl-atmosfera Pariġina għal matul l-opra kollha. Mill-aspett mużikali prosit kbir imur ukoll lis-Surmast Direttur il-Prof. Joseph Vella li mexxa l-orkestra nazzjonali ta’ Malta b’abilità kbira. Prosit ukoll lil Maria Frendo, Renzo Renzi u Mariella Spiteri Cefai għat-tħejjija tal-korijiet tat-Teatru Astra.

Mhux se nkomplu nsemmu nies li taw il-kontribut tagħhom għax dawn kienu ħafna u ma nixtiequ ninsew lil ħadd. Pero’ irridu nroddu ħajr ukoll lil dawk il-ħafna sezzjonijiet tal-opra li ma jidhru qatt imma li mingħajr l-kontribut tagħhom l-opra ma ssirx. L-ewwel nett grazzi lill-membri tal-korijiet tat-Teatru Astra, kemm tal-kbar kif ukoll taż-żgħar, il-membri tal-istage construction, membri li ħadu ħsieb il-kostumi, iż-żeffiena, dwal u props, make-up, hairdressing u l-ushers li kienu magħna matul iż-żewġ serati. Grazzi huwa mistħoqq ukoll lil dawk fi rwolijiet li huma lil hinn mill-palk imma li mingħajrom l-opra ma ssirx: dawk li ħadmu fil-booking office, dawk li ħadmu fil-pubblikazzjonijiet u kampanja pubbliċitarja, lill-fotografi, lil dawk li kkordinaw l-isponsors u l-loġistika speċjalment fejn jidħlu l-barranin li kienu fostna jieħdu sehem, lil dawk li jieħdu ħsieb it-tindif tat-Teatru u supporting staff ieħor matul il-jiem tal-provi.

Minn din il-paġna nixtiequ nirringrazzjaw lil dawk l-entitajiet governattivi u kummerċjali li mingħajr l-appoġġ tagħhom ma nkunux f’pożizzjoni li ntellgħu opra bħal din. Fl-aħħarnett grazzi jmur ukoll lill- membri tal-kumitat ta’ Festival Mediterranea kif ukoll tas-Soċjetà Filarmonika La Stella tal-inizjattivi u l-għajnuna kontinwa. Għal darba oħra, it-Team Teatru Astra żied ġojjell fil-kullana ta’ suċċessi li nkisbu matul is-snin.

Komplu żuru l-websites tagħna fuq www.mediterranea.com.mt u www.lastella.com.mt jew fil-Facebook pages rispettivi www.facebook.com/teatruastra u www.facebook.com/lastella.com.mt biex taġġornaw ruħkom fuq attivitajiet oħra li hemm imħejjija fil-jiem li ġejjin.

(Ritratti: Joe Attard)