Join Us On:

News Archive

MILIEDFEST 2008

Il-lum qegħdin inħabbru l-programm sħiħ ta’ attivitajiet ta’ Miliedfest 2008, festival ta’ mużika u divertiment organizzat mill-Għaqda Bandisti Żgħażagħ La Stella għal dan l-istaġun festiv. Il-membri ta’ din l-għaqda fl-aħħar xhur taw prova tad-dinamiżmu u l-ħeġġa ġenwina tagħhom biex jissoktaw ikabbru l-ġieħ tas-Soċjetà tagħna. Huwa ta’ pjaċir li naraw nies bħal dawn fostna li jaħdmu qatigħ biex f’dan iż-żmien sabiħ ta’ festi jagħtuna programm ta’ attivitajiet interessanti u mħejjija tajjeb li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd. Bħal f’okkażjonijiet oħra, sezzjoni oħra fi ħdan is-Soċjetà La Stella qed tagħmel isem għaliha u tibni l-istorja tagħna. Minn hawnhekk nawguraw u nuru l-apprezzament tagħna lill-Għaqda Bandisti Żgħażagħ fil-waqt li nħeġġu lill-pubbliku jikkonkorri bis-sħiħ għall-attivitajiet li għandhom imħejjija għalina ż-żgħażagħ tagħna.
                                                
 
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella
tingħaqad
mal-Knisja Protoparrokkjali
ta’ San Ġorġ Martri
u
mad-dinja Kattolika
biex tiċċelebra l-festi tal-Milied,
issellem lis-sena 2008
u tilqa’ lill-2009
b’jiem ta’ attività kontinwa fil-Każin tagħha
u funzjonijiet liturġiċi fil-Bażilika urbana
 
13 ta’ Diċembru 2008 – 4 ta’ Jannar 2009
 
 
L-Erbgħa 10 ta’ Diċembru
 
Arkadia Commercial Centre
4.00pm: Il-bandisti żgħażagħ fi ħdan il-banda ċittadina u dekana La Stella huma l-mistiedna speċjali ta’ l-Arkadia Commercial Centre sabiex jagħtu wirja mużikali tal-Milied fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru biex jikkommemoraw l-għaxar anniversarju mill-ftuħ tal-kumpless.
 
 
Is-Sibt 13 ta’ Diċembru – Btala Pubblika
 
Każin La Stella
9.00am: Jibdew it-tournaments ta’ żmien il-Milied, b’logħob ta’ billiards, snooker u table tennis.
 
 
Mit-Tnejn 15 ta’ Diċembru sat-Tlieta 23 ta’ Diċembru – In-Novena tal-Milied
 
Każin La Stella
F’dawn il-jiem festivi l-bandisti żgħażagħ tas-Soċjetà jdoqqu mużika popolari tal-Milied fl-entratura tal-Każin La Stella, akkumpanjati minn karattri popolari tal-Milied, fosthom Father Christmas.
 
 
Il-Ġimgħa 19 ta’ Diċembru
 
Każin La Stella
7.00pm: Christmas Grand Pasta Buffet tal-Milied fil-fojer tal-Każin. Biljetti (€12 għall-kbar u €8 għaż-żgħar) mill-Każin La Stella jew mingħand l-organizzaturi.
 
 
Is-Sibt 20 ta’ Diċembru
 
Każin La Stella
7.30pm: MILIEDFEST 2008 – Varjetà kbira tal-Milied fit-Teatru Astra bis-sehem tal-preżentaturi popolari Joe “id-Dulli” u Veronika, u li tkun tinkludi l-produzzjoni ta’ żewġ sketches umoristiċi adattati għal dan iż-żmien, miktuba mill-mibki Mons. Salv Borg, wirja spettakolari minn Catch a Fire Jugglers, wirja minn Merlino the Magician, wirja ta’ kant u żfin, u daqq ta’ mużika tal-Milied mill-bandisti żgħażagħ flimkien ma’ l-alljievi tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Biljetti (€5.00) mill-Każin La Stella jew mingħand l-organizzaturi.
 
 
Il-Ħadd 21 ta’ Diċembru
 
7.00am: Ħarġa kulturali u divertenti għal Malta, li fiha jkollna l-opportunità li nżuru diversi presepji artistiċi, u jkollna ċans għal ħin liberu fil-belt Valletta. Tluq minn quddiem il-Każin. Biljetti mill-Każin La Stella.
 
 
It-Tnejn 22 ta’ Diċembru
 
Każin La Stella
7.00pm: Laqgħa spiritwali bi preżentazzjoni awdjo-viżiva fuq il-Milied, li għaliha huma mistiedna b’mod speċjali l-membri, il-bandisti, is-sotto-kumitati, u l-partitarji kollha tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Imexxi l-laqgħa d-direttur spiritwali tas-Soċjetà, Mons. Ġużeppi Farrugia, arċipriet emeritu tal-bażilika ta’ San Ġorġ. Wara, tberik ta’ presepju artistiku u riċiviment tal-Milied fil-fojer tal-Każin.
 
 
L-Erbgħa 24 ta’ Diċembru – Lejlet il-Milied
 
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex
10.00am: Programm speċjali fuq l-istazzjon komunitarju tal-parroċċa ta’ San Ġorġ, Leħen il-Belt Victoria, b’xandira diretta mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li fiha l-bandisti żgħażagħ tas-Soċjetà Filarmonika La Stella jdoqqu carols tal-Milied lill-morda u l-anzjani rikoverati fl-isptar.
 
Każin La Stella
Wara l-Quddiesa ta’ Nofs il-Lejl: Christmas eve open bar fil-kazin La Stella għall-prezz ta’ €23.
 
 
Il-Ġimgħa 26 ta’ Diċembru
 
6.30pm: Żjara lil diversi presepji mxerrdin mal-ġżira Għawdxija.  Tluq minn quddiem il-Każin.
 
 
Is-Sibt 27 ta’ Diċembru
 
Arka Respite Centre
9.00am: Grupp ta’ żgħażagħ fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika La Stella jqattgħu nofs ta’ nhar għad-dispożizzjoni ta’ l-Arka Respite Centre, u jagħmlu xogħol volontarju taħt id-direzzjoni ta’ Mons. Emanuel Curmi, direttur tal-Caritas fid-djoċesi ta’ Għawdex.
 
 
Is-Sibt 3 ta’ Jannar – Lejlet l-Epifanija tal-Mulej
 
Każin La Stella
7.30pm: Kunċert ta’ l-Epifanija mill-bandisti żgħażagħ tas-Soċjetà Filarmonika La Stella fis-Sala Giuseppe Giardini Vella.