Join Us On:

News Archive

MESSAĠĠ MILL-PRESIDENT TAS-SOĊJETA

Diċembru, ta ’ kull sena jimmarka sena oħra ta’ ħidma għas-Soċjeta` Filarmonika La Stella, ħidma li hi riflessa fl-impenn tas-sezzjonijiet kollha tagħha; fuq quddiem u primarjament il-Banda La Stella, l-Kumitat Ġenerali tas-Soċjetà, l-isforzi kontinwi tas-sotto-kumitati tal-Armar, dak tan-Nar u tat-Tiġrijiet taż-żwiemel, ilkoll b’ risq il-festa għażiża ta’ San Ġorġ, li s-Soċjetà għandha l-unur u l-priveleġġ li torganizza, it-Teatru Astra, l-Festival Mediterranea u anke l-Astra Folk Group. Ħidma kbira minn gruppi ta’ voluntiera li, flimkien, jiffurmaw is-Soċjeta` Filarmonika La Stella.

Kull sezzjoni fi ħdan is-Soċjeta` tagħna, minn żmien għall-ieħor, iżżomm lill-membri tagħha attivi b’risq inizjattivi kulturali u mużikali. Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, u għalhekk din il-ħidma voluntarja kontinwa minn tant għexieren ta’ żgħażagħ u kbar, hija motiv ta’ kuraġġ li żżommna għaddejjin fil-ħidma tagħna favur Soċjeta` tant sinjura b’teżori umani u kulturali.

Filwaqt li nirringrazzja lil kull sezzjoni li hi attiva fi ħdan is-Soċjeta` tagħna, nappella biex f’kull inizjattiva nżommu quddiem għajnejna l-ġid komuni tas-Soċjeta` La Stella, anke’ qabel il-ġid tas-sezzjoni tagħna. Nippruvaw li kull ma nagħmlu jkun ta’ ġieh għas-Soċjeta` La Stella, għall-Banda La Stella u għall-maħbub protettur tagħna San Ġorġ. Fil-għaqda hemm is-saħħa u fil-ħidma tagħna għandna dejjem infittxu dak li jagħqqadna.

Ser nibdew sena ġdida b’ħidmiet ġodda u inizjattivi ġodda. Ejjew f’din is-sena li ser nibdew, inħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu u nappoġġjaw kull inizjattiva li ssir biex tgħaqqad u tagħti direzzjoni għat-titjib tal-Banda, Teatru u Festa taghna.

Pawlu Zammit
President