Join Us On:

News Archive

MERĦBA PAWLU FIL-BELT TA’ ĠORĠI

Għada l-Ħadd l-4 ta’ Novembru, huwa l-jum li fih Mons. Pawlu Cardona ser jieħu l-pussess bħala l-arċipriet tal-knisja proto-parrokkjali, arċi-matriċi, bażilika u kolleġġjata lateranensi ta’ San Ġorġ. Huwa jum ieħor ta’ festa, li fih għal darb’oħra b’mod eżamplari l-poplu Ġorġjan jingħaqad f’okkażjoni ta’ ferħ, fl-inawgurazzjoni tal-ministeru pastorali ta’ l-arċipriet Cardona.

Wara li l-Ħadd li għadda ċċelebrajna flimkien iċ-ċelebrazzjoni ta’ radd il-ħajr lill-arċipriet emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia, għada jmiss li għal darb’oħra ningħaqdu u nagħtu merħba lir-ragħaj spiritwali l-ġdid tagħna, Mons. Pawlu Cardona.

Għada fid-8.45am, tkun il-banda “Santa Margerita” ta’ Sannat, raħal twelid l-arċipriet, li tagħmel marċ brijuż minn Triq Enrico Mizzi sa Triq ir-Repubblika, biex imbagħad minn hemm il-banda ċittadina u dekana “La Stella” takkumpanja lill-Arċipriet Cardona sa Pjazza San Ġorġ. Mons. Pawlu Cardona ser ikun akkumpanjat mill-predeċessur tiegħu Mons. Ġużeppi Farrugia, u mill-Aċipriet tal-Parroċċa ta’ Santa Margerita, il-Kan. Tarċisju Camilleri. Il-Victoria Scout Group ser iwassal lill-arċipriet il-ġdid sa quddiem il-bieb ewlieni tal-bażilika fejn hemm jiġi milqugħ mill-isqof djoċesan, mill-kapitlu u mill-kleru Ġorġjan. Is-Sur Antoine Vassallo viċi-president tal-kunsill parrokkjali jagħmel indirizz ta’ merħba lir-ragħaj il-ġdid tal-parroċċa tagħna. Eżatt kif jintemm dan l-indirizz, l-isqof jistieden lill-arċipriet biex jiftaħ il-bieb tal-bażilika, u jakkumpanjah fil-maqdes Ġorġjan. Imbaghad jingħata bidu għal konċelebrazzjoni pontifikali bir-rit tal-pussess, ippreseduta mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof t’Għawdex u dekan tal-kolleġġjata lateranensi. Wara li tintemm il-konċelebrazzjoni, il-komunità parrokkjali hija mistiedna għal riċeviment fic-centru parrokkjali.

Is-Soċjetà Filarmonika “La Stella” tilqa’ b’ferħ lil Mons. Pawlu Cardona bħala Ragħaj tal-parroċċa u tawguralu għal kontinwazzjoni ta’ ħidma pastorali u inizjattivi kulturali, u twiegħdu l-lealtà lejn San Ġorġ li dejjem kienet il-karatteristika li ddistingwiet lis-Soċjetà.

Merħba Mons. Pawlu Cardona!
Merħba fil-belt ta’ Ġorġi!

[ritratti: Joe Attard ©]