Join Us On:

News Archive

MERĦBA MONS. PAWLU CARDONA

Il-bieraħ il-Ħadd l-4 ta’ Novembru, kien jum ieħor mill-aktar importanti fl-istorja tal-knisja proto-parrokkjali, arċi-matriċi, bażilika u kolleġġjata lateranensi ta’ San Ġorġ fil-belt Victoria. Mons. Pawlu Cardona ħa l-pussess bħala l-arċipriet ta’ din il-bażilika urbana. Kien jum ieħor ta’ festa, għalih il-poplu Ġorġjan attenda bi ħġaru għall-inawgurazzjoni tal-ministeru pastorali ta’ l-arċipriet il-ġdid.

Ftit qabel daqqu d-disgħa l-banda “Santa Margerita” ta’ Sannat, laqgħet lill-arċipriet il-ġdid fi Triq Enrico Mizzi fejn minn hemm għamlet marċ sa Triq ir-Repubblika. Kien imiss imbagħad li minn Triq ir-Repubblika l-banda ċittadina u dekana “La Stella” takkumpanja lill-Arċipriet Cardona, flimkien ma’ l-Arċipriet Emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia u l-Arċipriet ta’ Sannat il-Kan. Tarċisju Camilleri, sa Pjazza San Ġorġ. Huma kienu akkumpanjata minn bosta familjari u mijiet ta’ Ġorġjani li attendew. Preżenti wkoll kien hemm il-Victoria Scout Group. Hekk kif l-arċipriet wasal quddiem il-bieb ewlieni tal-bażilika ġie milqugħ mill-isqof djoċesan, mill-kapitlu u mill-kleru Ġorġjan. Fi pjazza miżgħuda bin-nies, is-Sur Antoine Vassallo għamel indirizz ta’ merħba u wara, l-isqof stieden lill-arċipriet biex jiftaħ il-bieb tal-bażilika. Wara li l-Isqof akkumpanja lir-ragħaj il-ġdid tal-parroċċa tagħna fil-bażilika, ngħata bidu għal konċelebrazzjoni pontifikali bir-rit tal-pussess, ippreseduta mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof t’Għawdex u dekan tal-kolleġġjata lateranensi. Intant għal din l-okkażjoni attenda fost membri distinti oħra l-E.T. il-president tar-Repubblika Dr Edward Fenech Adami, u s-sinjura tiegħu. Mal-wasla tiegħu fi Pjazza San Ġorġ huwa ġie milqugħ bid-daqq ta’ l-innu nazzjonali mill-banda ċittadina “La Stella”.

Għal darb’oħra s-Soċjetà Filarmonika “La Stella” tixtieq tifraħ lil Mons. Pawlu Cardona u tawguralu għal kontinwazzjoni ta’ ħidma pastorali u inizjattivi kulturali fil-parroċċa tagħna. Is-Soċjetà tagħna hija dik is-Soċjetà li minn dejjem fl-istorja glorjuża tagħha ħadmet fl-interessi tal-parroċċa ewlenija ta’ gżiritna u dan ser tkompli tagħmlu anke fil-ġejjieni. Nagħtuk merħba Mons. Pawlu Cardona u nittamaw li bħalma għamilna ma’ l-arċiprieti preċedenti naħdmu wkoll mill-qrib miegħek fl-interessi tal-parroċċa u ta’ beltna.

Merħba Mons. Pawlu Cardona!

[ritratti: Joe Attard]
– aktar ritratti jittellghu fil-granet li gejjin.