Join Us On:

News Archive

MERĦBA LILL-PAPA BENEDITTU XVI F’MALTA

Hekk kif ninsabu ftit tas-sigħat ‘il bogħod mill-bidu taż-żjara appostolika tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI f’pajjiżna, is-Soċjeta’ Filarmonika La Stella tixtieq tingħaqad mal-bqija tal-poplu Malti u Għawdxi biex tagħtih merħba. Il-Papa qed iżur pajjiżna fl-okkażjoni tal-1950 anniversarju mill-miġja ta’ San Pawl f’Malta. 

Il-Q.T. il-Papa Benedittu XVI wara l-wasla tiegħu fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta ser iżur il-Palazz tal-President fil-belt Valletta, u eżattament wara jżur il-knisja u l-grotta ta’ San Pawl fir-Rabat. Għada mbagħad, l-appuntament l-aktar mistenni fejn fuq il-Fosos tal-Furjana ser imexxi quddiesa pontifikali. Wara nofsinhar il-Papa ser jiltaqa’ maż-żgħażagħ fil-Valletta Waterfront. Dan ikun l-aħħar appuntament tiegħu qabel iħalli pajjiżna. 

Għall-Papa Benedittu XVI dan ser ikun it-tlettax-il vjaġġ tiegħu ‘l barra mill-Vatikan, f’dawn l-ewwel ħames snin tiegħu bħala mexxej tal-knisja kattolika. Din hija wkoll it-tielet żjara appostolika tal-kap tal-knisja kattolika f’pajjiżna, wara ż-żjarat tal-Q.T. il-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1990 u fis-sena 2001.