Join Us On:

News Archive

MEMORJI LI SEBBĦU ID-DINJITÀ TAL-BANDA ‘LA STELLA’ TUL IŻ-ŻMINIJIET

Miktub minn CHRISTIAN ABELA (artiklu li deher fil-ktieb Festi San Ġorġ 2007 – Ħarġa Nru 33)

Kienet il-Banda La Stella li dejjem ġiet rikonoxxuta minn kulħadd bħala il-banda ewlenija u popolari tal-gżira Għawdxija . F’dan l-artiklu beħsiebni inġedded uħud mill-isbaħ memorji ta’ l-imsemmija banda. Dan ser nagħmlu sabiex naċċerta li dawn il-ġranet u tifkiriet jibqgħu magħrufa mill-pubbliku ġenerali kif ukoll jibqgħu jiġu mfakkra mill-parititarji għeżież tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Għalhekk f’dan l-artiklu is-suġġett ser ikun wieħed relatat ma’ dati u informazzjoni li jikkonċernaw l-istorja ta’ avvenimenti marbuta mal-banda La Stella li aħna bħala partitarji wisq kburin u onorati biha.

L-iktar avveniment storiku li nsibu dukumentat fl-arkivju għani tas-Soċjetà huwa propju il-programm mużikali, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu mill-banda La Stella seba’ xhur qabel ma sar il-kuntratt ta’ l-istess banda għand in-nutar pubbliku, fit-13 ta’ Ġunju 1980. L-istess programm mużikali kien sar taħt id-direzzjoni tas-surmast Antonio Buhagiar. Minn dak inhar il-quddiem din il-banda ħarset lejn il-futur b’kuraġġ u determinazzjoni u għall-kuntrarju ta’ soċjetajiet oħra għalkemm kellha ħafna biex tiftaħar qatt ma ftaħret biha nnfisha imma dejjem ħalliet lil min hu rasu fuq għonqu biex jagħmel dan. Minn dak in-nhar il-Banda La Stella ġiet mistiedna biex tikkommemora diversi attivitajiet u festi Nazzjonali kemm bi programmi mużikali kif ukoll b’marċi u dimostrazzjonijiet kommemorattivi. Fost l-oħrajn jiena ser insemmi diversi attivitajiet li ġiet mistiedna għalihom l-istess banda .

Fl-1926 il-banda La Stella tellgħet żewg programmi mużikali fl-okkażjoni tas-seba’ ċentinarju mill-mewt ta’ San Frangisk.

Nhar it-22 ta’ Settembru 1933 il-Banda La Stella ġiet infurmata uffiċjalment li tniżżlet mal-lista “Onorarji” ta’ l’Unioni Corali u Orchestrali Maltija bħala rikonoxximent tal-programm eċċelenti li l-Banda La Stella esebiet nhar il-Ħadd 17 ta’ Diċembru tas-sena preċidenti. L-għażla mużikali u l-esekuzzjoni impressjonanti wasslu għal dan l-unur.

It-tieni Ħadd t’Ottubru 1933 il-Banda La Stella esegwiet programm mużikali fir-Rundle Gardens tal-Belt Victoria fuq stedina ta’ l-Unioni Corali u Orchestrali. Fl-istess okkażjoni il-Ministru Enrico Mizzi ippreżenta medalja kommemorattiva lis-sur Antonio Rizzo f’isem l-Għawdxin bħala rikonoxximent għall-“ Campionato di Nuoto”.

Il-Banda La Stella ġiet mistiedna mill-kumitat tal-festi Nazzjonali biex tagħmel marċ fit-toroq tal-belt Valletta segwit minn programm mużikali fi Pjazza Reġina, nhar is-Sibt 29 ta’ Settembru 1934.

Fl-1937 sar programm funebri mill-Banda La Stella biex ifakkar il-mewt ta’ Re George V ta’ l-Ingilterra.
Fis-16 ta’ Settembru 1945 il-banda La Stella fakkret jum il-Belt Victoria b’marċ u programm mużikali fil-preżenza ta’ l-eċċelenza tiegħu il-gvernatur u kmandant ta’ Malta ta’ dak iż-żmien li għoġbu jirregala rittratt iffirmat tiegħu lill-kumitat ta’ l-istess banda bħala tifkira ta’ l-okkażjoni.

L-1 ta’ Diċembru 1947 il-Banda La Stella ingħaqdet fil-“Malta Band Clubs Association”.

F’Settembru 1947 il-banda La Stella kienet l-ewwel banda Għawdxija li esegwiet il-mużika tagħha f’art barranija. Dan sar permezz ta’ ‘Programm di Gala’ ġo Villa Bellini ġewwa Catania. Dan seħħ eżattament nhar it-13 ta’ Settembru 1947 taħt id-direzzjoni tas-surmast Mro Giuseppe Giardini Vella.

Fit-12 ta’ Settembru 1948 il-Banda La Stella reġgħet ġiet mistiedna tagħti programm mużikali ieħor ġewwa Catania f’Villa Bellini.Dan ukoll kien that id-direzzjoni tas-surmast Giardini Vella.

L-okkażjoni ġiet ripetuta għat-tielet darba konsekuttiva fejn il-Banda La Stella taħt l-istess surmast għamlet programm f’Garibaldi Palermo nhar il-21 ta’ Awissu 1949.

Fl-1 ta’ Novembru 1950 il-Banda La Stella esegwiet programm kommemorattiv fl-okkażjoni tad-difinizzjoni tad-Domma ta’ tlugħ fis-sema ta’ Marija bir-ruħ u il-ġisem, taħt id-direzzjoni tas-surmast Vincenzo Ciappara. Dan seħħ fi pjazza Indipendenza tar-Rabat Għawdex.

Programm ieħor kommemorativ fi pjazza Indipendenza sar nhar il-21 ta’ Ottubru 1951 biex titfakkar il-ħamsin sena mil-mewt tal-kompożitur Internazzjonali Giuseppe Verdi. Dan sar taħt it-tmexxija tas-surmast Giovanni Vella.

Nhar il-11 ta’ Awissu 1952, il-Banda La Stella xtrat strumentatura ġdida mingħand P. Carabott ta’ Valletta għall-prezz ta 1824 sterlina Ingliża. L-istess strumentatura ġiet imbierka waqt programm mużikali mill-isqof Mons.Giuseppe Pace nhar is-Sibt 7 ta’ Novembru fis-sala ta’ l-Oratorju Don Bosco.

Akkademja Mużiko-Letterarja liema bħalha ġiet imtella’ fl-14 ta’ Lulju 1953 b’tifkira tat-23 ċinkwantinarju mill-mewt ta’ San Ġorġ Megalomartri (303-1953). Dan seħħ ukoll fis-sala ta’ Don Bosco.

Il-Ħamis 6 ta’ Mejju 1954 fi Pjazza Reġina tal-Belt Valetta il-banda tagħna għamlet programm mużikali fl-okkażjoni ta’ l-unika żjara tar-Reġina Eliżabbetta it-tieni, taħt id-direzzjoni tas-surmast Giovanni Vella.

Fost il-programmi li huma dokumentati li saru taħt it-tmexxija tas-surmast Edgar Lowell insibu l-programm li seħħ nhar il- Ħadd 19 ta’ Ottubru 1959 fi pjazza Indipendenza. Sar Programm ta’ mużika funebri fl-okkażjoni tal-mewt tal-Papa Piju XII liema Papa għolla id-dinjità tal-parroċċa ta’ San Ġorġ għad-dinjità ta’ Bażilika u diversi dinjitajiet oħra.

Fl-okkażjoni tal-festi ċentinarji mit-tnissil tagħha il-Banda La Stella esegwiet Kunċert Vokali u Strumentali nhar id-9 ta’ Novembru 1963. Dan sar taħt it-tmexxija tas-surmast Edgar Lowell fis-sala ta’ l-Oratorju Don Bosco.

Fl-18 ta’ Jannar 1969 il-banda La Stella fakkret l-ewwel sena mill-ftuħ uffiċjali tal-Każin u tat-Teatru tagħha it-Teatru Astra. Dan kien l-ewwel programm mużikali li l-Banda La Stella għamlet ġewwa it-Teatru tagħha taħt id-direzzjoni ta’ Edgar Lowell.

Fl-1985 il-Banda La Stella ġiet mistiedna tagħmel programm mużikali nhar is-sibt 4 ta’ Mejju flimkien mal-banda l-oħra tal-belt Victoria mill-kumitat tal-kultura fis-sena iddedikata lill-mużika Ewropea. Iż-żewġ baned għamlu programm fuq żewġ palkijiet separati. F’din is-serata mużikali il-banda La Stella irnexxielha idoqq bil-bandisti tagħha biss taħt id-direzzjoni tas-surmast attwali il-Prof. Joseph Vella filwaqt li l-banda opposta kellha numru konsiderevoli ta’ bandisti Maltin u anke Għawdxin minn baned oħra. Mal-faċċata tal-Każin La Stella ġiet imwaħħla tabella fejn kienet tfakkar lill-pubbliku ġenerali li l-Banda La Stella daqqet mingħajr għajnuna ta’ bandisti barranin.

F’Awissu, il-Banda La Stella semmet ukoll l-armonija li hi biss għandha l-kapaċità li toħloq ġewwa wħud mill-aktar pjazez kulturali ta’ l-Italja, fosthom Pjazza San Marco f’Venezja, u pjazza Della Signoria f’Firenze. Hawnhekk il-Banda La Stella għamlet diversi programmi mużikali taħt it-tmexxija tas-surmast direttur attwali il-Professur Joseph Vella.

Kif għidt fil-bidu matul iż-żminijiet il-Banda La Stella għamlet ukoll diversi marċijiet u dimostrazzjonijiet kommemorattivi fosthom:

• 1918 Marċ biex ifakkar l-ewwel gwerra dinjija.
• 1920 Indaqqu marċi quddiem il-knisja Ta’ Pinu fl-okkażjoni ta’ meta tqegħdet l-ewwel ġebla.
• 1921 Dimostrazzjoni fit-toroq ta’ Victoria bl-ewwel erba’ rappreżentanti t’Għawdex meta ġie mogħti is-“Self Government.”
• 1929 Marċ fil-kungress ewkaristiku.
• 1946 Marċ b’tifkira tar-rebħa tat-tieni gwerra dinjija.

Ma’ din il-lista imsemmija hemm ħafna u ħafna iktar avvenimenti x’insemmi imma żgur li mhux possibli li ssemmihom kollha fl-ispazju provdut. Il-fatt jibqa’ li anke b’din l-informazzjoni mogħtija minni illum wieħed għandu jikkonferma li l-Banda La Stella hija l-iktar Banda Għawdxija li kkontribwiet bis-sħiħ matul is-snin fil-qasam kulturali ta’ pajjiżna. Jikkonferma ukoll il-popolarità li tgawdi l-banda ta’ l-Istilla hija popolarità li ilha tinbena fuq reputazzjonijiet mill-aqwa tul is-snin. Jiena ninsab ċert li din ir-reputazzjoni u il-popolarità il-Banda La Stella ser tkompli tgawdiha fil-futur. Dan ser iseħħ grazzi għas-surmast Professur li żgur m’għandu bżonn l-ebda intruduzzjoni, Joseph Vella, bandisti iddedikati li minn żmien għal żmien dejjem jiġġeddu, u l-kumitati kollha fi ħdan is-Soċjetà La Stella.
Il-popolarità li tgawdi il-Banda La Stella illum tista’ tiġi ikkonfermata min-numru kbir ta’ stediniet li kellha din is-sena kemm fl-istaġun festiv kif ukoll matul ix-xhur kollha ta’ matul is-sena. Għal dawn l-appuntamenti il-Banda La Stella dejjem għamlet l-għalmu tagħha biex bħas-soltu grazzi għas-surmast u l-bandisti tagħha, ħarġet bl-unuri kollha.