Join Us On:

News Archive

MAWRA OĦRA GĦALL-ASTRA FOLK GROUP

Il-Grupp Folkloristiku Astra, jirrappreżenta lill-gżejjer Maltin, f’festival internazzjonali, f’Lulju fl-Ingilterra: Billingham International Folklore Festival, bħala grupp mill-Mediterran. Fil-fatt ser ikun l-ewwel Grupp Folkloristiku Malti li ser jieħu sehem f’dan il-festival internazzjonali li ilu jsir għal dawn l-aħħar 44 sena. Il-grupp ser iħalli pajjiżna fit-23 ta’ Lulju u jtemm il-mawra tiegħu fl-4 ta’ Awissu. Waqt dan il-festival il-Grupp Folkloristiku Astra bil-kant u ż-żfin tiegħu ser ikun qed jirriklama lil Malta u anke lil Għawdex bħala destinazzjoni turistika u anke kulturali. Ser jieħdu sehem f’dan il-festival diversi gruppi internazzjonali mill-Kolombja, Ġermanja, l-Italja, Malasja, Franza, Rumanija, Russja, Sri Lanka, Ġappun u l-Indja kif ukoll mill-Iskozja u mill-Ingilterra. Għalhekk il-parteċipazzjoni tal-Astra Folk Group f’dan il-Festival Internazzjonali ser tkun ta’ unur għal dan il-grupp folkloristiku, u għas-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ li tagħha jifforma parti, għax ser ikun l-ambaxxatur ta’ Malta fl-Ingilterra. Fil-fatt din il-mawra tal-grupp fl-Ingilterra qed tigi ssapportjata mill-Gvern Malti.

Sa minn meta twaqqaf fl-1970, il-Grupp ħa sehem f’għadd kbir ta’ spettakli f’teatri, lukandi u klabbs ewlenin f’Malta u Għawdex, f’wirjiet nazzjonali u kulturali u ‘shows’ oħra għat-turisti fuq il-gżira ta’ Kemmuna.

Ir-repertorju tal-Grupp jinkludi kanzunetti u żfin folkloristiku miktub apposta għal grupp. Is-Surmast Joseph Vella u l-ex direttur mużikali tal-grupp, il-mibki Joseph Bezzina għenu ħafna biex illum il-grupp Astra għandu repertorju folkloristiku daqshekk magħruf mal-gżejjer Maltin.

Il-grupp ħa sehem f’diversi festivals tal-Folk li saru fl-Italja, (Ruma, Firenze, Venezia, Alatri, Canicattini, Como, Lecce u Carpineto Romano, fl-iSvizzera (Lugano), fl-Ingilterra (Cambridge u Billingham), fl-iSkozja (Glasgow), fi Franza (Cháteauvallon, Fontblanceh, Marsilja, Haguenau u Angers), fil-Libja (Tripli, Sebha u fl-Anfiteatru Ruman ta’ Sabrata), fil-Fillandja (Kaustinen), fl-Eġittu (Cairo, Alexandra u Port Said) u fir-Russja (Vorenezh u Moska).

Il-grupp ikun involut sew matul ix-xitwa meta fit-Teatru Astra ssir l-Opra. Il-membri tiegħu jieħdu sehem fil-parti ta’ żeffiena, koristi u komparsi u b’hekk jissuktaw jiksbu iktar esperjenza meta jaħdmu spalla ma’ spalla ma’ artisti magħrufa fid-dinja ta’ l-opra.

Id-Direttur artistiku tal-grupp huwa s-sur Anthony Zammit waqt li s-sur Ġorġ Farrugia jieħu ħsieb il-vestwarju kollu. Dawn flimkien taw is-sehem tagħhom biex il-grupp Folkloristiku Astra jippreżenta matul is-snin kant u żfin mimlija briju u kulur għall-gosti ta’ kulħadd.

Minn din il-paġna nawguraw minn qalbna lill-grupp folkloristiku Astra, kull suċċess fil-mawra tiegħu ġewwa Billingham, l-Ingilterra.