Join Us On:

News Archive

MAQDES U KAŻIN FIL-QALBA TAL-BELT

L-istaġun tas-Sajf fil-gżejjer Maltin minbarra s-sħana u t-temp sabiħ, iġib miegħu wkoll numru kbir ta’ festi fil-bliet u l-irħula Maltin u Għawdxin. Ta’ kull ġimgħa madwar pajjiżna jiġu ċċelebrati numru sabiħ ta’ festi. F’Għawdex, għandna x-xorti li l-ebda festa ma tirkeb fuq oħra u għalhekk matul it-tliet xhur tas-Sajf tiġi ċċelebrata festa waħda fil-ġimgħa. Illum li ninsabu f’nofs Awwissu, il-maġġoranza tal-festi għaddew u jonqos biss l-aħħar erbgħa li huma kollha festi Marjani. 

Dawn il-festi huma ta’ attrazzjoni kbira mhux biss għalina l-Maltin u l-Għawdxin, iżda wkoll għat-turisti li jiġu jżuruna f’dawn ix-xhur. Għaldaqstant għandna nkomplu naħdmu bi sħiħ biex ħadd ma jirnexxielu jeqred dak li bnew ta’ qabilna b’ħafna sagrifiċċju. Illum iddur fejn iddur fil-bliet u l-irħula f’pajjiżna tara knejjes mill-isbaħ li wħud minnhom iħabbtuha mal-isbaħ knejjes fl-Ewropa, bir-rikkezzi li nsibu fihom. L-istess irridu ngħidu għall-każini tal-baned – każin wieħed ikbar mill-ieħor li fil-maġġoranza tagħhom kollha nsibuhom f’post ċentrali fir-raħal jew belt tagħhom. 

L-istess jista’ jingħad għas-sede’ tas-Soċjeta’ tagħna – it-Teatru Astra, li forsi b’differenza minn każini oħra f’Malta u Għawdex huwa ferm kbir u miegħu hemm anness teatru grandjuż, numru ta’ swali kbar u anke diskoteka. Il-każin tas-Soċjeta’ La Stella mhux biss huwa fost l-akbar u l-isbaħ każini li nsibu f’pajjiżna, imma jinsab fl-aktar parti prestiġjuża ta’ beltna – l-ogħla parti ta’ Triq ir-Repubblika – post presitġjuż li minnu bilfors jgħaddu l-aktar ċelebrazzjonijiet importanti li jsiru mhux biss fuq bażi ta’ lokal, imma anki ta’ gżiritna. Kull marċ, kull purċissjoni, kull ċelebrazzjoni trid tgħaddi minn quddiem it-teatru Astra. Fuq in-naħa l-oħra mbagħad issib min lanqas ċelebrazzjonijiet organizzati minnu stess ma jgħaddu minn quddiem il-każin tiegħu. Imma bħalma dejjem ngħidu: Mhux kulħadd għandu l-istess xorti!

X’xorti għandna li d-dar tas-Soċjeta’ tagħna tinsab pass ‘il bogħod mill-maqdes ewlieni ta’ beltna: il-bażilika proto-parrokkjali ta’ San Ġorġ. Hemm iċ-ċentru tal-belt Għawdxija – kollox imdawwar maż-żewġ pjazez ewlenin tal-belt: it-Tokk u San Ġorġ – żewġ ċentri li f’kull okkażjoni ta’ beltna u ta’ gżiritna jkunu miżgħuda bin-nies, għax ukoll huma ċentrali u aċċessibbli għal kulħadd. 

Iddur fejn iddur f’pajjiżna tinnota li l-parroċċa tal-lokal tkun dejjem fiċ-ċentru. Il-każini politiċi u tal-baned fil-maġġoranza tagħhom ikunu viċin il-parroċċa. F’beltna dak li huwa ċentrali huwa tal-Istilla – Maqdes, każin u teatru. Minn hemm ngħadduh lil Ġorġi tagħna ta’ kull sena. Minn quddiem darna jgħaddi l-patrun tagħna San Ġorġ -il-ġawhra ta’ qalbna. X’ma jiġux il-folol għall-festi kbar li niċċelebraw f’nofs Lulju! X’ma jkunx mimli l-maqdes Ġorġjan fil-jiem kollha tal-festi liturġiċi! X’ma niċċelebrawx matul il-ġimgħa kollha tal-festa bi briju uniku u eżemplari! Nifirħu u nferrħu ta’ kull sena fil-qalba ta’ beltna b’differenza minn ħaddieħor…f’dak li hu tagħna!