Join Us On:

News Archive

MAFKAR F’ĠIEĦ MRO GIUSEPPE GIARDINI VELLA

Il-Kunsill tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex il-bieraħ inawgura mafkar tas-Surmast Giuseppe Giardini Vella (1885-1974) fil-Villa Rundle. Għal din l-okkażjoni kienu mistednin diversi personalitajiet distinti fostom il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Justyne Caruana, il-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella is-Sur Paul M Cassar, is-Segretarju Amministrattiv is-Sur Michael Formosa, membri oħra tal-kumitat, partitarji u familjari.

Waqt is-serata ġew eżegwiti diversi xogħolijiet tas-Surmast Giardini Vella mill-Chorus Urbanus, taħt id-direzzjoni ta’ Mro Dr John Galea.  Saru wkoll diskorsi tal-okkażjoni mis-Sur Paul M Cassar u l-Ministru Dr Justyne Caruana u inqrat poeżija mis-Sur Joe M Attard li ħarġet mill-pinna tiegħu stess.  Is-serata kienet ippreżentata minn Nutar Dr Paul George Pisani filwaqt li l-iskultura hija xogħol tas-Sur Joseph Scerri.

Ir-rabta tas-Surmast Giardini Vella magħna hija waħda kbira ħafna.  Minbarra l-biċċiet ta’ mużika imprezzabbli ta’ dan is-surmast fl-arkivji tas-Soċjetà Filarmonika La Stella niftakru li l-innu l-kbir li jindaqq waqt il-ħruġ ta’ San Ġorġ fil-festa titulari, huwa kompożizzjoni tiegħu.  Il-Banda Ċittadina La Stella għandha wkoll diversi marċijiet tiegħu kemm brijużi, reliġjużi kif ukoll funebri u diversi xogħolijiet sbieħ teatrali.  Ġewwa l-każin La Stella, is-sala prinċipali hija msemmija għalih u fiha hemm esebiti diversi rikordji tal-istess Giardini Vella.

Id-deċiżjoni li jsir dan il-mafkar kienet waħda tajba ħafna għax is-Surmast Giardini Vella ikkontribwixxa bis-sħiħ fil-qasam mużikali f’Għawdex u l-Belt Victoria, kemm bħala surmast direttur kif ukoll bħala kompożitur.

 

34864520_10156186586054550_7318035930583924736_n