Join Us On:

News Archive

MACBETH…DIZASTRU KKAWZAT MILL-KILBA GHALL-POTER

Kitba ta’ Joyce Guillaumier [ it-torċa – 18 ta’ Novembru, 2007 ]

Mario Corradi, id-direttur artistiku tal-produzzjoni ta’ l-opra Macbeth li rajna fit-Teatru Astra fl-aħħar jiem ta’ Ottubru, jgħidilna fin-nota li kiteb fil-ktejjeb maħruġ għall-okkażjoni, li hu għafas l-iktar fuq l-aspetti psikoloġiċi tal-moħħ kriminali tal-protagonisti ewlenin ta’ dan ix-xogħol, u dan għax iż-żewġ artisti li rrapreżentaw lil Macbeth u lil martu jippossedu ħiliet drammatiċi kbar. U tassew li kellu biex jaħdem għax il-baritonu Marco Chingari fil-parti ta’ Macbeth u Francesca Patanè fil-parti ta’ Lady Macbeth qaxxru l-parti tagħhom u għenu mhux ftit biex din il-produzzjoni kisbet suċċess.

F’din l-opra l-kompożitur kbir Taljan Giuseppe Verdi jippreżentalna d-diżintegrazzjoni totali, sew fiżika kif ukoll mentali u psikoloġika, li l-kilba esaġerata għall-poter ta’ Macbeth u martu wasslithom għaliha. Din hi opra qawwija u drammatika fejn il-kliem ta’ Shakespeare jingħaqdu mal-mużika brillanti li Verdi ħoloq għaliha bir-riżultat li llum dan ix-xogħol hu meqjus bħala wieħed mill-aħjar tal-kompożitur kbir Taljan. Jurina wkoll kemm Verdi kien jifhem il-psike umana u kemm kien ippreokkupat bil-ħsara li l-azzjonijiet insensati tal-bniedem setgħu jwettqu.

Macbeth kien fidil lejn Duncan, ir-re tiegħu, imma meta fi triqtu lura mill-battalja ltaqa’ mas-sħaħar li sellmulu bħala r-re futur ta’ l-Iskozja, daħal fih id-dudu ta’ korruzzjoni li kompla jikber u jissaħħaħ misqi mill-ambizzjoniji bla tarf ta’ Lady Macbeth. Meta jasal fil-kastell tiegħu jsir jaf li r-Re Duncan kien se jgħaddi l-lejl għandu u dan il-fatt joffri l-opportunità biex jeħles minnu. Macbeth ma kellu ħila jwettaq id-delitt u Lady Macbeth tidħol hi biex twettaq il-qtil.

Iżda qtil wieħed ma kienx biżżejjed. Billi s-sħaħar kienu bassru li Macbeth ma kienx se jkollu eredi għat-tron Skoċċiż iżda li l-linja rjali kienet se tkompli permezz ta’ ulied Banquo, dan jinqatel ukoll minkejja li kien l-ikbar ħabib tiegħu. Fortunatament, iben Banquo, Fleance, jirnexxielu jaħrab u b’hekk jeħles mill-mewt waqt li tibqa’ ħajja l-possibilità li jsir re iktar ’il quddiem. Waqt pranzu kbir Lady Macbeth tagħmel minn kollox biex tgħatti kollox biex tgħatti l-istat ta’ terror li kien maqbud fih Macbeth li beda jara l-ispettru ta’ Banquo kullimkien. Minn barra, Lady Macbeth tidher allegra u kalma, iżda anke hi kienet imwerwra u mkissra, mgħaffġa taħt il-piż ta’ dnubietha. Waħidha timmaġina li jdejha kienu mċappsin bid-demm ta’ dawk maqtula u taħsel kemm taħsel u togħrok kemm togħrok id-demm baqgħet tarah. Il-ġenn iwassalha eventwalment għal mewtha. Żewġha wkoll ma jeħlishiex ħafif u fil-fatt l-opra tispiċċa bir-rewwixta taċ-ċittadini Skoċċiżi li ħaduha kontra d-despotiżmu ta’ Macbeth li jispiċċa maqtul.

Iż¬-żewġ protagonisti taw wirja mill-aqwa minkejja d-diffikultajiet li joffri l-iscore mużikali. Patanè impressjonat bil-kontroll li write f’leħinha li minkejja ħafna passaġġi kienu kantati kważi minn taħt l-ilsien xorta wasslu l-qawwa tal-kliem u ta’ l-azzjoni. Impressjonat fil-passaġġi drammatiċi kif ukoll meta kellha passaġġi iktar spensjerati u allegri bħal fil-brindisi sabiħ – “si colmi il calice” – ngħidu aħna li jinsab fit-tieni att. Spikkat anke x-xena tal-ġenn – “via ti dico, o maledetta” – tgħid lit-tebgħa ta’ demm li tara kontinwament u li wasslitha biex saħansitra titlef ħajjitha. Insomma, interpretazzjoni ta’ livell għoli.

L-istess nistgħu ngħidu għall-baritonu Chingari li kien Macbeth kif immaġinajtu jien, bniedem tant hu dgħajjef u bla valuri li xejn ma ddejjaq jipparteċipa fl-iktar azzjonijiet vili u oxxeni, għalkemm hawn juri l-viljakkerija tiegħu. Minn ħin għall-ieħor kien dgħajjef, imwerwer, indeċiż u beżżiegħ. Chingari għandu persuna u preżenza impressjonanti li jġiegħluk timmaġinah bħala figura dominanti u l-eroj tas-serata. Xorta impressjona fil-parti ta’ Macbeth imma flok l-eroj kien il-ħażin u l-qarrieqi, flok dak li jsalva s-sitwazzjoni kien il-bniedem debboli li jitkaxkar mill-avvenimenti mingħajr ma jagħti każ tar-riżultati.

Sew b’leħnu sew bir-reċtar tiegħu, Chingari wasslilna dan il-personaġġ li xejn m’għandu fama tajba lanqas ma’ l-atturi li qatt ma jsemmu l-isem tad-dramm imma li jirreferu għalih bħala “The Scottish Play”.

It-tenur Joseph Calleja irrepeta l-parti ta’ Macduff li kien iddebutta biha għaxar snin ilu. M’hemmx dubju li dan il-kantant sar il-benjamin ta’ l-udjenzi lokali, u ngħiduha kif inhi, għandhom għaliex! B’vuċi ċara daqs il-kristall, bi preżenza imponenti fuq il-palk, b’ħila ta’ reċtar dejjem iżjed irfinuta u tanġibbli, hu ntlaqa’ b’ċapċip kbir kull darba li deher fuq il-palk partikolarment meta kanta “A la paterna mano” li tinsab ukoll fuq is-CD tiegħu.

Il-parteċipazzjoni kienet ta’ livell għoli ħafna, mhux biss bil-preżenza ta’ Joseph, illum tenur internazzjonali ta’ fama imma anke bl-involviment tal-kor ippreparat b’mod eċċellenti minn Maria Frendo. L-Orkestra Nazzjonali kienet immexxija mis-surmast Joseph Vella. Għal darb’oħra l-mużiċisti laqgħu l-isfida ta’ xogħol drammatiku qawwi u ħarġu bl-unuri.

Kien hemm ukoll it-tenur Joseph Aquilina fil-parti ta’ Malcolm, iben Duncan li eventwalment laħaq re wara l-mewt ta’ Macbeth, (kellu projection tajba ħafna), il-baxx Kevin Caruana fil-parti tat-tabib, (Kevin qiegħed jissaħħaħ minn darba għall-oħra) is-soprano Dorienne Portelli li kienet id-dama ta’ Lady Macbeth u t-tenur Bernard Busuttil li kien Araldo. Minkejja li kellhom partijiet sekondarji, kollha taw sehem sħiħ f’din il-produzzjoni. Il-parti ta’ Banquo kienet interpretata mill-baxx Franco de Grandis. Bħall-oħrajn huwa kien ippreparat sew.

Il-produzzjoni artistika kienet f’idejn Mario Corradi. Dan daħħal għadd ta’ innovazzjonijiet li mhux kollha ħadmu sew, fost dawn id-dehriet ta’ Banquo. Għoġobni ħafna s-sett u partikolarment id-dawl li saħħaħ l-ambjent u li kien parti essenzjali mill-produzzjoni. Kien hemm min ikkummenta dwar il-qasma fil-libsa ta’ Lady Macbeth. Forsi veru li n-nisa ma kinux mistennija jikxfu mqar għarqubhom, imma min ma jiddejjaqx inassas u joqtol se jiddejjaq jikxef xi ftit?! Fuq kollox id-direttur artistiku ried li dan ix-xogħol jintrabat anke ma’ żmienna u li l-personaġġi jillustraw x’qiegħed iseħħ fid-dinja llum ukoll. Ried jgħidilna li l-kilba għall-poter, il-korruzzjoni, tnassis, mibgħeda u qtil anke ta’ l-innoċenti għadhom ma’ saqajna llum ukoll.