Join Us On:

News Archive

LULJU: IX-XAHAR TA’ SAN ĠORĠ

Bdejna x-xahar ta’ Lulju – xahar li bla ebda dubju fil-gżira tagħna huwa marbut mal-festi kbar ad unur il-protettur tal-Għawdxin San Ġorġ Megalomartri. Ninsabu ftit jiem ‘il bogħod mill-ġimgħa prinċipali tal-festa. Il-festi fetħu b’mod uffiċjali fl-10 ta’ Ġunju, mal-bidu tal-Victoria International Arts Festival 2009, u jilħqu l-qofol tagħhom nhar il-Ħadd 19 ta’ Lulju, jum il-festa. 

Il-festa ta’ San Ġorġ hija festa mill-aktar popolari, festa mfittxija minn bosta b’mod partikolari ħafna dilettanti Maltin li jaqsmu l-fliegu apposta biex jingħaqdu magħna f’dawn il-jiem festivi. Hija festa li tispikka għan-numru kbir ta’ marċi brijużi minn numru daqstant kbir ta’ baned – tispikka bla ebda dubju għall-armar grandjuż fit-toroq u l-pjazez ta’ beltna; għall-wirjiet sbieħ pirotekniċi; għat-tiġrijiet tradizzjonali taż-żwiemel li kisbu isem kbir mal-ammiraturi numerużi ta’ dan l-isport; iżda fuq kollox għall-imħabba u l-qima li nuru aħna l-Ġorġjani lejn il-qaddis patrun tagħna – imħabba li nuruha f’kull ħin u kull mument mhux biss fil-jiem tal-festa, imma s-sena kollha – imħabba li hija l-qofol ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ewlenin fi gżiritna.

Kif semmejna x-xahar ta’ Lulju, għall-Għawdxin ifisser San Ġorġ. Dan għall-fatt li San Ġorġ, bħala l-ewwel parroċċa ta’ Għawdex dejjem fisser eżempju – mudell għall-parroċċi kollha l-oħra. Fuq kollox, San Ġorġ Martri dejjem kien meqjus bħala l-interċessur qawwi tal-Għawdxin, għaliex lejh irrikorra l-poplu kollu tal-gżira fiż-żminijiet l-aktar diffiċli. 

Għalhekk huwa bix-xieraq li l-festa tal-qaddis protettur tagħna ssir bl-akbar pompa. Bir-raġun kollu din il-festa tissejjaħ il-festa tal-festi. Kemm għandna għax inħossuna aktar iffortunati aħna l-partitarji tal-Istilla, li f’idejna ġew fdati l-festi esterni ta’ dan il-patrun ta’ beltna. Iva San Ġorġ u s-Soċ. Filar. La Stella llum huma ħaġa sinonima. Ir-rabta li hemm bejn it-tnejn ma tista’ tinħall qatt, għax f’din ir-rabta hemm issiġillata mħabba dejjiema lejn il-Kbir martri San Ġorġ. 

Mela ejjew ilkoll flimkien inkomplu naħdmu biex nibqgħu bħal dejjem magħqudin, b’għan wieħed li jixhed biss imħabbitna lejn il-patrun tagħna San Ġorġ. Minn hawn nagħmlu l-istedina tagħna għal dawk l-elef ta’ Għawdxin u Maltin biex fi ftit ġranet oħra jingħaqdu magħna biex huma wkoll ikunu parti minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kbar – ċelebrazzjonijiet eżemplari li jagħmlu unur lil min jorganizzahom u ġieħ lill-Kbir San Ġorġ Megalomartri.

Ibqgħu f’kuntatt magħna, b’mod speċjali fi żmien il-festa għal aktar aġġornamenti, ritratti u kummenti.