Join Us On:

News Archive

LEJN ŻERNIEQ TA’ JUM SPEĊJALI

JMJ_0049

Wara li matul it-tmiem il-ġimgħa li għadda ġiet fi tmiemha t-tlettax -il edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, bis-suċċessi kollha li ġabet magħha, għajnejn is-Socjeta’ Filarmonika La Stella issa huma mitfughin fuq il-jum tat-8 ta’ Dicembru meta, flimkien ma’ l-Ordni Frangiskan, tifrah b’ġieh l-Immakulata, l-Istilla Rebbieħa u ż-żina Marjana ta’ beltna.

Kwazi sa’ mill-bidu tal-eżistenza tagħha, il-Banda La Stella dejjem qieset il-Festa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni bħala t-tieni festa tagħha, wara dik ta’ San Ġorġ. Huwa gieh kbir għaliha li ta’ kull 8 ta’ Diċembru takkumpanja, mat-toroq u l-pjazez ewlenin tal-belt Victoria, l-purċissjoni bix-xbieha maestuża tagħha, kapulavur fl-injam tal-Bormliz Salvu Psaila.

Huwa pjaċir tagħha, wkoll, li Lejlet l-Immakulata tmexxi d-dimostrazzjoni u takkumpanja b’innijiet Marjani t-tlugħ ta’ l-istatwa fuq il-pedestall tagħha fi Pjazza San Franġisk. U, iva, huwa pjaċir tagħha li toffri s-servizzi tagħha f’din il-festa mingħajr ma tippretendi xejn lura.

Minbarra s-sehem distint tal-Banda, huma diversi l-aspetti li jagħmlu l-Festa ta’ l-Immakulata festa “Ta’ l-Istilla” speċjalment bl-impenn attiv ta’ bosta parruċċani Ġorġjani f’din il-kommunità. Jieħdu sehem ukoll fil-funzjonijiet interni tal-Festa ta’ l-Immakulata il-kor residenti tal-Bażilika ta’ San Ġorġ Laudate Pueri, il-Chorus Urbanus u ċ-ċelebrazzjonijiet, kemm interni u kemm dawk esterni, jiġu trażmessi ‘live’ fuq l-istazzjon komunitarju tal-Parroċċa, Leħen il-Belt Victoria.

Sadanittant, nhar il-Hadd li għadda ngħata bidu għat-twettiq tal-programm tal-festa ta’ din is-sena bil-ħruġ ta’ l-istatwa min-niċċa. Il-festi jilħqu l-qofol tagħhom bejn il-Ħamis 4 u t-Tnejn 8 ta’ Diċembru, bil-jiem tat-Tridu u tas-Solennita’. Mis-sit elettroniku uffiċċjali tagħha, s-Soċjeta’ Filarmonika La Stella tħeġġeġ lis-segwaċi tagħha sabiex jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet, kemm interni u kemm esterni tal-Festa.

Viva l-Immakulata!

 

(Ritratt fuq: Joe Attard)