Join Us On:

News Archive

LEJN IT-TMIEN EDIZZJONI TA’ FESTIVAL MEDITERRANEA

Hekk kif ninsabu ftit aktar minn xahar ‘il bogħod mill-ftuħ tat-tmien edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, is-Soċjetà Filarmonika La Stella, l-organizzattriċi ta’ dan il-festival kulturali, tinsab għaddejja bl-aħħar tħejjijiet biex għal darb’oħra dan l-avveniment annwali jkun suċċess. Bla dubju l-aktar mistennija f’avveniment bħal dan hija l-opra Verdjana Rigoletto li ser tittella’ fit-teatru tagħna għat-tielet darba, wara dik ta’ l-1978 u dik ta’ l-1998. Wieħed irid ifakkar ukoll li l-produzzjoni tal-1978 kienet l-opra li fetħet it-triq għal ħamsa u għoxrin opra lirika li ttellgħu fit-Teatru Astra. Għal darb’oħra b’kast mill-aktar b’saħħtu u taħt direzzjoni mużikali u artistika ferm professjonali nistgħu nagħtu garanzija ta’ produzzjoni mill-aqwa li tibqa’ mfakkra, l-istess bħall-produzzjonijiet preċedenti li ttellgħu fl-istess teatru. 

Iżda Festival Mediterranea mhux biss l-opra lirika. Il-festival fih aktar minn għoxrin attivita’ li jinkludu ż-żewġ rappreżentazzjonijiet tal-opra Rigoletto; attivitajiet agrikulturali taħt il-gwida tal-espert Dr David Trump; spettaklu ta’ żfin; u numru ta’ kunċerti. Bla dubju fost dawn il-kunċerti jispikka l-kunċert annwali mill-banda ċittadina La Stella taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella. Dan il-kunċert ser jagħlaq l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Festival Mediterranea. Il-banda, wara l-impenji numerużi ta’ dan is-sajf, bdiet fil-kunċerti preparatorji nhar il-Ħadd li għadda – kunċerti li jibqgħu għaddejjin b’mod regolari kull nhar ta’ Ħadd filgħodu. 

Matul dawn it-tletin ġurnata tal-festival jispikkaw ukoll iż-żjarat lejn it-tempji tal-Ġgantija; l-Ipoġew f’Ħal-Tarxien; it-tempji ta’ Skorba fl-Mġarr u l-mużewijiet tal-arkeoloġija fil-belt Valletta u fil-belt Victoria mmexxija minn Dr David Trump, personalita’ sinonima ma’ dan il-qasam. Ma jonqsux żjarat lejn il-bażilika ta’ San Ġorġ iggwidati min-nutar Paul G. Pisani. Fit-tieni Sibt ta’ Novembru, fit-teatru Astra, ser jittella’ spettaklu kbir ta’ żfin mill-kumpanija Centrestage bit-tema: Unforgettable: A tribute to great artists.

Għal aktar informazzjoni fuq dan il-festival kulturali wieħed jista’ jżur is-sit uffiċjali www.mediterranea.com.mt. Infakkru wkoll li l-booking għall-attivitajiet ewlenin fosthom iż-żewġ produzzjonijiet tal-opra Rigoletto għadu miftuħ. Wieħed jista’ jagħmel kuntatt mal-bookings office tat-Teatru Astra permezz tal-email [email protected] jew permezz tan-numri 2155 0985 / 9988 3007.