Join Us On:

News Archive

LECTURE DWAR ‘LA TRAVIATA’ F’MALTA

Bħala parti mill-programm edukattiv li nieda Teatru Astra b’rabta mal-produzzjoni tal-opra La Traviata iktar tard dan ix-xahar, it-teatru qed jorganizza lecture b’xejn lill-pubbliku, li se ssir f’Malta, fejn jiġu spjegati u illustrati aspetti tal-opra mill-iktar popolari ta’ Giuseppe Verdi.
 
Il-lecture, li se ssir nhar it-Tnejn 18 t’Ottubru fis-6pm fis-Sala Robert Samut fil-Floriana se sservi bhala preludju tajjeb li jintroduċi ż-żewġ rappreżentazzjonijiet ta’ La Traviata li se ssir fit-Teatru Astra fit-28 u fit-30 t’Ottubru.
 
Matul is-sessjoni ta’ siegħa d-direttur Taljan Marco Gandini, imqabbad minn Teatru Astra biex jidderieġi l-produzzjoni tal-opra ta’ din is-sena, se jitkellem dwar aspetti importanti tal-opra u ta’ din il-produzzjoni b’mod partikolari. Marco Gandini idderieġa produzzjonijiet tal-opra f’ħafna mill-iktar teatri importanti fl-Italja (Milan, Firenze, Venezja, Bolonja, Ruma, Verona, Palermo, Genova) kif ukoll f’Tokjo, Tel Aviv, Londra, San Francisco, Washington, Moscow u dan l-aħħar f’Salzburg. Il-Prof. Joseph Vella, li se jkun qed jidderieġi l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali waqt La Traviata kif ukoll xi membri tal-kast se jkunu qed ikantaw selezzjonijiet mill-opra.
 
Il-pubbliku b’mod ġenerali, speċjalment dawk li se jattendu s-serata tal-opra, huma mistiedna li jattendu għalkemm minħabba li l-post fejn se ssir l-attività hu wieħed fil-magħluq, is-siġġijiet se jkunu disponibbli fuq bażi ta’ first-come first-served.
 
Teatru Astra, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, ix-Xogħol u l-Familja, il-Ministeru għal Għawdex, l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u Bank of Valletta, din is-sena daħal għal diversi inizjattivi ta’ natura edukattiva biex jgħin fit-tkattir ta’ iktar għarfien u apprezzament tal-opra b’mod partikolari mal-ġenerazzjonijiet żgħar. Se jorganizza workshop mal-istudenti fi skola nhar it-Tnejn 18 t’Ottubru stess filwaqt li attività simili se ssir l-għada f’Għawdex.
 
Teatru Astra għal darb’oħra nieda l-iskema fejn studenti ta’ 25 sena jew inqas jistgħu jakkwistaw biljetti tal-opra bi prezz imraħħas ħafna, li tnaqqas minn €50 għal €10 għall-istudenti għall-ewwel rappreżentazzjoni tal-opra, b’dawk adulti li jakkumpanjawhom igawdu wkoll minn roħs ta’ 20% għall-prezz ta’ €40.
 
La Traviata tifforma parti mid-disa’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, organizzat mit-Teatru Astra, b’kollaborazzjoni ma’ Bank of Valletta, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, Vodafone Malta Foundation, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment.
 
Il-programm sħiħ tal-attivitajiet organizzati waqt Festival Mediterranea jinsab fuq www.mediterranea.com.mt.
 
Booking permezz ta’ [email protected] jew 21550985 jew 99883007.