Join Us On:

News Archive

LAQGĦA U BBQ GĦALL-BANDISTI ŻGĦAŻAGĦ

Nhar it-Tlieta li għadda fuq il-bejt tal-każin ‘La Stella’ saret laqgħa u BBQ għall-bandisti żgħażagħ u l-allievi. Din il-laqgħa saret fuq l-inizzjattiva ta’ l-Għaqda Bandisti Żgħażagħ ‘La Stella’, għaqda li ġiet iffurmata fil-ġimgħat li għaddew. Din l-għaqda li hija mmexxija minn tliet bandisti żgħażagħ Silvio Cini, GeorgeSam Mizzi u Clint Gatt, ġiet iffurmata biex tkompli ssaħħaħ l-element żagħżugħ fi ħdan il-banda tagħna.

Iż-żgħażagħ fi ħdan is-Soċ. Filar. La Stella dejjem kienu numerużi. Fil-mument għandna wkoll numru sabiħ ħafna ta’ bandisti żgħażagħ kif ukoll allievi, iżda bis-saħħa ta’ din l-għaqda, l-għan huwa li dan in-numru jkompli jikber. Din l-għaqda ser taħdem ukoll flimkien ma’ l-għalliema ta’ l-allievi biex jaraw li jiġu organizzati diversi attivitajiet bħal ħarġiet kulturali, u mawriet barra minn Malta għall-bandisti żgħażagħ tagħna, kif ukoll jgħinu fl-organizzazzjoni ta’ kunċerti li jittellgħu mil-“La Stella Youth Ensemble” matul is-sena.

Tul il-laqgħa għamlu diskors qasir Silvio Cini u George Sam Mizzi f’isem din l-għaqda, u tkellmu wkoll l-għalliema ta’ l-allievi George Apap u Michel Refalo li t-tnejn urew sodisfazzjon għat-twaqqif ta’ din l-għaqda li żgur ser tkompli ssaħħaħ il-banda tagħna. L-għalliema taw merħba wkoll lill-allievi ġodda, li għalihom din il-laqgħa kienet l-ewwel okkażjoni tagħhom fostna. Għal din l-okkażjoni kien hemm preżenti wkoll il-president tas-Soċ. Filar. La Stella, Dr Joseph Grech, flimkien mal-kaxxier George Cini.

Hekk kif intemmet il-laqgħa, ngħata bidu għal BBQ li kien akkumpanjat bid-daqq ta’ mużika popolari minn diversi bandisti żgħażagħ. Fil-jiem li ġejjin ngħarrfukom ukoll bl-attivitajiet li qed jiġu ppjanati għall-bandisti żgħażagħ u l-allievi tagħna.

Minn din il-paġna nawguraw lil din l-għaqda ġdida fi ħdan is-Soċjetà tagħna biex tilħaq l-għanijiet tagħha u tassew tkompli tgħin biex is-Soċ. Filar. La Stella tibqa fuq quddiem nett fil-qasam mużikali f’pajjiżna mhux biss issa, iżda anke fil-futur.

09/08/2008