Join Us On:

News Archive

LA TRAVIATA: KONFERENZA TAL-AĦBARIJIET

Teatru Astra qed iħabbar id-dettalji kollha b’rabta mal-produzzjoni tal-opra La Traviata inkluż informazzjoni dwar il-kantanti li se jkunu qed ikantaw waqt din il-produzzjoni. Il-kantanti huma fil-parti l-kbira tagħhom dawk internazzjonali ta’ reputazzjoni ferm għolja flimkien ma’ oħrajn li huma fost l-aqwa element lokali. La Traviata se ssir darbtejn, il-Ħamis 28 u s-Sibt 30 t’Ottubru 2010 fit-Teatru Astra u tibda fis-7.30pm. Hija l-attività prinċipali ta’ Festival Mediterranea, issa fid-disa’ edizzjoni tiegħu.
 
Id-dettalji tħabbru dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn Michael Formosa, Chairman, kumitat organizzativ ta’ Festival Mediterranea, il-Prof. Mro. Joseph Vella, Direttur Mużikali ta’ Festival Mediterranea, u Marco Gandini, id-Direttur Artistiku ta’ La Traviata. Il-konferenza tal-aħbarijiet, li għaliha kienu preżenti wkoll uħud mill-kantanti prinċipali, saret fl-iskola sekondarja tas-subien fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita fejn iktar kmieni saret attività edukattiva għall-istudenti.
 
Is-sopran Għawdxija Miriam Cauchi, li naqqxet isem ta’ fama għaliha bl-interpretazzjonijiet eċċellenti tagħha fl-Astra fl-aħħar snin, se tkun qed tirritorna fit-teatru Għawdxi issa bħala l-kantanta prinċipali. Ir-rwol mhux faċli ta’ Violetta jaqbel ferm mal-personalità passjonali ta’ Miriam Cauchi u mal-vuċi soda tagħha, li ħafna jiftakru fir-rwoli preċedenti tagħha ta’ Liù f’Turnadot (2008), ir-rwoli prinċipali fi Suor Angelica u Pagliacci (2006) u dak ta’ Oscar fl-opra Un Ballo in Maschera (2002).
 
It-tenur Taljan Alessandro Liberatore se jkun qed ikanta għall-ewwel darba f’Malta, fil-parti prinċipali ta’ Alfredo. Minkejja l-età relattivament żgħira ta’ Alessandro Liberatore, ir-repertorju tiegħu jinkludi opri ta’ Mozart, Bellini, Verdi, Puccini u anke opri Franċizi b’rappreżentazzjonijiet f’diversi teatri fl-Italja u f’Berlin, Lisbona u f’Tokjo. Hu interpreta l-parti tenorili prinċipali ta’ La Traviata f’numru ta’ teatri fl-Italja u f’Madrid fil-produzzjoni magħrufa ta’ Franco Zeffirelli.
 
Il-baritonu Taljan Marco Chingari jirritorna fit-Teatru Astra, din id-darba bħala Germont wara l-interpretazzjonijiet memorabbli tiegħu ta’ Macbeth fl-opra li ġġib l-istess isem (2007), Scarpia f’Tosca (2004) u Iago f’Otello (2003).
 
Rwoli oħra se jitkantaw minn Georgina Gauci fil-parti ta’ Flora, Dorienne Portelli bħala Annina, Frans Mangion bħala Gaston, Joseph Lia bħala Barone Douphol, Giampiero Cicino bħala Marchese d’Obigny, Kenneth Scicluna bħala Dottore Grenvil, Mario Portelli fil-parti ta’ Giuseppe, il-qaddej ta’ Violetta filwaqt li Armando Tomasello jkanta l-parti tal-Kummissarju.
 
Id-direzzjoni ta’ La Traviata hi afdata f’idejn Marco Gandini li ħoloq livelli straordinarji ġodda għall-produzzjoni tal-opra fix-xena internazzjonali. Marco Gandini, li sa mill-1992 ilu jaħdem bħala l-ispalla ewlenija tad-direttur ta’ fama dinjija Franco Zeffirelli, ħadem fl-ikbar teatri fl-Italja fosthom Teatro alla Scala – Milan, Teatro dell’Opera – Ruma, Teatro San Carlo – Napli u l-Arena di Verona, u ’l barra mill-Italja fosthom fil-Metropolitan ta’ New York, ir-Royal Opera House ta’ Covent Garden f’Londra u New National Theatre ta’ Tokjo.
 
Għal La Traviata l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali se titmexxa mill-Prof. Mro. Joseph Vella filwaqt li jieħu sehem il-Kor tal-Opra Teatru Astra, imħarreg minn Maria Frendo. Il-korjografija hi f’idejn Felix Busuttil bis-sehem ta’ YADA Dance Company u YADA Dance Academy, Gozo li tinsab fit-Teatru Astra.
 
Is-sett tal-palk, iddisinjat mix-xenografu Mauro Tinti, qed jinbena minn Carmel Zammit u minn Emanuel J. Farrugia u t-tim tagħhom. L-artist xeniku għal La Traviata hu Joseph Cauchi. L-aħħar preparamenti tal-kostumi qed isiru minn Luca Canfora, Emanuel Grima u minn George Farrugia. Id-dawl għall-palk qed jitfassal minn George Zammit.
 
La Traviata u l-opri kollha produzzjoni ta’ Teatru Astra huma riżultat tad-dedikazzjoni ta’ mijiet ta’ voluntieri li jagħtu ħinhom u iktar matul is-sena kollha biex jikkontribwixxu għax-xena kulturali tal-pajjiż u għall-industrija turistika t’Għawdex.
 
Għal La Traviata Teatru Astra, f’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, ix-Xogħol u l-Familja, il-Ministeru għal Għawdex, l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u Bank of Valletta, wessa’ l-programm edukattiv tiegħu biex issa jinkludi:
          Biljetti mraħħsa b’mod qawwi għall-istudenti u għal adulti li jakkumpanjawhom, u minn din is-sena wkoll
          workshops edukattivi, f’Malta u f’Għawdex, li fihom tfal tal-iskola jitgħallmu dwar l-espressjoni tal-mużika b’mod divertenti, u
          taħdita b’xejn għall-pubbliku dwar l-opra La Traviata.
 
L-opra La Traviata tiftaħ id-disa’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea li f’xahar sħiħ ta’ attivitajiet jesponi l-mużika, il-wirt preistoriku uniku tal-gżira, l-istorja, l-arti, żfin u teatru, u s-sbuħija unika ta’ Għawdex fil-ħarifa.
 
Iktar informazzjoni dwar La Traviata jew l-attivitajiet l-oħra ta’ Festival Mediterranea jistgħu jinkisbu minn www.mediterranea.com.mt. Prenotazzjoni tal-biljetti permezz ta’ 21550985 jew 99883007 jew [email protected].
 
La Traviata u Festival Mediterranea huma organizzati minn Teatru Astra b’kollaborazzjoni ta’ Bank of Valletta, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, Vodafone Malta Foundation, il-Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment. L-opra u l-festival ma jkunux jistgħu jsiru mingħajr l-għajnuna ta’ diversi kumpaniji oħra lokali.