Join Us On:

News Archive

LA STELLA BRASS ENSEMBLE & SOLOISTS

Nhar is-Sibt filgħaxija, fl-Awla Mons. Giuseppe Farrugia, kellna kunċert eċċellenti minn La Stella Brass Ensemble & Soloists, liema sala kienet ippakkjata bin-nies, tant li ħafna spiċċaw kellhom jibqgħu bil-wieqfa. Dan il-kunċert, li huwa parti minn Festival Mediterraea 2012, ikun mistenni ħafna għax fih naraw il-ħiliet tas-solisti u ta’ bandisti relattivament żgħar fl-età.
Is-serata bdiet billi ndaqqew numru ta’ biċċiet fosthom waħda ta’ Rossini u l-oħra ta’ Verdi mill-klarinettisti tagħna, Mario Galea, George Apap, Noel Beck u Silvio Cini. Dritt wara kien imiss il-kwartett tas-saxophone magħmul minn Robert Mallia, Mario Attard, Joe Cini u Patricia Refalo u dawn ukoll kienu milqugħin minn applaws hekk kif kif spiċċat il-biċċa tagħhom. Wara daqqew tliet solisti akkumpanjati fuq il-pianoforte minn Dr Mario Frendo. Dawn kienu Robert Buttigieg fuq it-trumpet, Ino Mario Attard fuq l-althorn u George Camilleri fuq l-euphonium. Ma għandniex għalfejn ngħidu imma wara kull eżekuzzjoni l-folla li kien hemm fis-sala ċapċpet għal mumenti twal. Fl-aħħar imbagħad kien imiss il-brass ensemble fejn Robert Buttigieg, Clint Gatt, Nathaniel Zammit, Ino Mario Attard, George Camilleri, Andrew Formosa, Anton Sacco u Antoine Micallef daqqew biċċa ta’ G. Gershwin li wkoll intlaqgħet b’applaws minn dawk preżenti.
Kif għidna dan kien appuntament importanti ħafna għall-Banda La Stella, li minn dejjem kienet għajn ta’ tagħlim mhux biss fil-mużika imma anke f’oqsma oħra kulturali. Ikun ta’ pjaċir kbir meta naraw mużiċisti żgħażagħ ikomplu jistudjaw il-mużika. Is-suċċess personali tagħhom huwa wkoll suċċess tal-Banda tagħna.
Intant nixtiequ nfakkru li issa għandna żewġ appuntamenti oħra importanti għal din il-ġimgħa. Nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Novembru se jkollna quddiesa fil-Bażilika b’suffraġju tal-bandisti u membri tas-Soċjetà Filarmonika La Stella li ħallewna, fis-6.00 pm.
Is-Sibt 17 ta’ Novembru imbagħad ikollna l-Kunċert Annwali fit-Teatru Astra mill-Banda La Stella fejn fiha se nisimgħu uħud mill-aqwa siltiet mużikali. Id-dħul għall-kunċert huwa b’xejn u kulħadd huwa mistieden.
 (Ritratti: Joe Attard)