Join Us On:

News Archive

L-OPRA ‘TURANDOT’ FIT-TEATRU ASTRA

Kif ħabbarna aktar kmieni fix-xahar ta’ Frar ta’ din is-sena, meta tħabbar il-programm uffiċjali tas-seba’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, għal din is-sena l-opra magħżula hija l-opra ‘Turandot’ ta’ Giacomo Puccini. Din l-opra lirika diġa’ ttellgħet fit-teatru tagħna b’suċċess f’Ottubru tas-sena 1995. Il-librett ta’ din l-opra huwa miktub minn Giuseppe Adami u Renato Simoni.

F’dawn il-ġranet mal-faċċata tat-teatru tagħna wieħed seta’ jinnota wkoll il-banner kbir li twaħħal biex jirrekklama din l-akbar produzzjoni fit-teatru tagħna għal din is-sena. Il-banner inħadem fuq disinn ta’ Michael Formosa u Richard Grech. Il-bookings għal din l-opra lirika huma diġà miftuħa, u għalhekk inħeġġu lil dawk kollha li jixtiequ jattendu biex jaħsbu kmieni għall-biljetti. Kif ġara f’dawn l-aħħar snin, minħabba t-talba kbira għall-biljetti, l-opra ser tittella’ darbtejn. L-ewwel rappreżentazzjoni ser issir nhar il-Ħamis 23 t’Ottubru fis-19.30, segwita minn ikla kbira tradizzjonali mal-kast kollu. It-tieni rappreżentazzjoni ser issir is-Sibt 25 t’Ottubru fl-istess ħin. Għal din l-opra lirika fi tliet atti, ser nerġgħu nilqgħu fuq il-palk tat-teatru tagħna lis-soprana Francesca Patanè, li proprju kienet fostna sena ilu meta ttellgħet l-opra ‘Macbeth’. Hi kienet kantat fir-rwol ta’ Lady Macbeth. Is-suċċess li kisbet din il-kantanta f’dik il-produzzjoni kien fuq fomm kulħadd, u għalhekk l-amministrazzjoni tat-teatru flimkien mal-kumitat ta’ Festival Mediterranea ħaseb biex għall-opra ‘Turandot’ il-parti prinċipali – il-Prinċipessa Turandot, titkanta minn din is-soprana ta’ fama internazzjonali. Takkumpanja lil Francesca Patanè ser ikun hemm ukoll is-soprana Għawdxija Miriam Cauchi. Il-kumplament tal-kast ser jitħabbar aktar ’il quddiem fuq dan is-sit. Il-kor tat-teatru għal darb’oħra ser ikun f’idejn Dr Maria Frendo, filwaqt li l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ser tkun f’idejn il-Prof. Mro Joseph Vella.

Kif diġà semmejna l-bookings jinsabu miftuħa, u biex wieħed jirriserva l-post tiegħu għandu jċempel fuq in-numru 2155 0985, jew inkella jikkuntattjana fuq [email protected].

Il-prezzijiet għal din l-opra huma dawn:

>>Il-Ħamis 23 t’Ottubru:
Gallerija: € 40.00 (Lm 17.17)
Auditorium flat part + Upper Steps & Side Boxes: € 60.00 (Lm25.75)
Auditorium Golden Tickets: € 110 (Lm47.22)

>> Is-Sibt 25 t’Ottubru:
Gallerija: € 50.00 (Lm21.46)
Auditorium flat part + Upper Steps & Boxes : € 70.00 (Lm30.05)
Auditorium Golden Tickets: € 120 (Lm 51.51)

Il-‘Golden tickets’ jinkludu post fin-naħa t’isfel ta’ l-auditorium, refreshments tul l-ewwel interval u l-ikla mal-kast wara li tintemm l-opra.

Għal aktar informazzjoni tistgħu tikkuntattjawna fuq:
[email protected] jew
[email protected]