Join Us On:

News Archive

L-MIA JGĦIN LILL-UNIKU FESTIVAL FIL-ĦARIFA F’ GĦAWDEX

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jagħti s-sostenn tiegħu lill-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Festival Mediterranea, issa fil-ħdax-il sena tiegħu, li jsir minn Teatru Astra. Festival Mediterranea hu l-uniku festival li jsir fil-ħarifa f’Għawdex, bi programm ta’ attivitajiet li jdumu għaddejjin xahar u li jiftah b’żewġ serati tal-opra. Din is-sena, Teatru Astra għazel li jipproduċi l-opra ta’ Giacomo Puccini Madama Butterfly bis-sehem ta’ tliet kantanti mill-iktar importanti fid-dinja tal-opra llum – is-sopran Daniela Dessì, it-tenur Fabio Armiliato u l-baritonu Carlo Guelfi. L-opra tittella’ l-Ħamis 25 u s-Sibt 27 t’Ottubru.
 
L-għajnuna finanzjarja kienet ippreżentata mis-Sur Reuben Sciberras, Kap, PR & Corporate Communications tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta lis-Sur Michael Formosa, Chairman ta’ Festival Mediterranea. Is-Sur Sciberras qal li l-għajnuna mogħtija lil Festival Mediterranea hi konformi mal-politika ta’ Corporate Social Responsibility tal-kumpanija hekk kif il-festival ikopri tnejn mill-erba’ pilastri ewlenin ta’ din il-politika, jiġifieri l-Kultura u t-Turiżmu. “L-Ajruport ta’ Malta għandu tradizzjoni twila li jagħti s-sostenn tiegħu lil inizjattivi li jzidu dimensjoni kulturali lill-prodott turistiku ta’ Malta, u f’dan il-kaz, jgħinu anke l-prodott partikolari ta’ Għawdex bħala destinazzjoni distinta.”
 
Filwaqt li rringrazzja lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta tal-għajnuna tieghu lil din l-organizzazzjoni volontarja, is-Sur Formosa ħabbar li sa mill-ewwel edizzjoni fl-2002 sal-lum il-festival wassal biex b’mod dirett ġew f’Malta mill-inqas 1,500 parteċipant barrani li ġew speċifikament għall-attivitajiet kulturali. Din iċ-ċifra ma tinkludix turisti li nzertaw kienu f’pajjiżna fl-istess żmien u ddeċidew li jattendu xi attivitajiet kulturali offruti, u lanqas barranin li għandhom propjetà f’pajjizna u li għazlu li jiġu iktar kmieni jew jibqgħu għal iktar żmien f’Għawdex.
 
Hu qal ukoll li biex it-teatru jkompli jħajjar iktar apprezzament għall-arti fost il-ġenerazzjoni żgħażagħ, għall-ħames sena konsekuttiva qed jissussidja numru ta’ biljetti għal studenti ta’ 25 sena jew inqas għall-ewwel serata tal-opra Madama Butterfly. Fil-fatt 200 biljett fil-Gallarija ta’ Teatru Astra qed jiġu offruti għall-prezz imrahhas ta’ €10 minflok €50.
 
Il-festival isir bil-għan li jagħti opportunità għal turiżmu kulturali filwaqt li jesponi aspetti tal-identità, il-kultura u t-tradizzjonijiet lokali. Minbarra l-opra, jinkludi l-unika rappreżentazzjoni f’Malta ta’ produzzjoni oriġinali ta’ tango li bħalissa qed iddur l-Ewropa; kunċert bil-pjanu minn dak li hu meqjus l-iżgħar pjanist fid-dinja b’id waħda, Nicholas McCarthy; kunċert ta’ arias minn opri; kunċert minn solisti tal-banda; u l-Kuncert Annwali Grandjuż tal-Banda Filarmonika La Stella. Festival Mediterranea jieħu lill-parteċipanti għal żjara fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fejn jistgħu jiġu apprezzati xogħlijiet tal-arti fosthom dawk ta’ Mattia Preti; żjara f’diversi knejjes għal xogħlijiet tal-artist Giuseppe Calì; u żjara f’għelieqi fejn jitkabbar l-għeneb għall-għasir. Il-festival jinkludi wkoll lecture li tiffoka fuq is-suġġett tas-‘soċjetà u l-ekonomija’ fi żmien il-Kavallieri. Parti sostanzjali minn dawn l-attivitajiet huma mingħajr ħlas.
 
Il-festival hu organizzat minn voluntieri bl-għajnuna finanzjarja tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Bank of Valletta, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, il-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, il-Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti, u l-kunsill lokali tal-belt Victoria.
 
Iktar informazzjoni mis-sit www.mediterranea.com.mt jew min-numru tat-telefon 21550985. Bookings minn [email protected] jew 79256897.