Join Us On:

News Archive

L-IMPENJI TAL-BANDA LA STELLA FIL-ĠIMGĦA MQADDSA

Tul il-Ġimgħa Mqaddsa l-banda tal-belt Victoria, kienet impenjata f’erba’ servizzi separati. L-ewwel impenn tal-banda ‘La Stella’ kien proprju nhar is-Sibt 31 ta’ Marzu meta l-banda tellgħet kunċert ta’ mużika sagra fil-bażilika ta’ San Ġorġ. Tul dan il-kunċert il-banda daqqet siltiet ta’ Verdi, Gounod, u Mascagni. Ma’ dawn il-banda daqqet ukoll erba’ marċi funebri mis-sett ‘Perche Piangi?’ li ġie mżanżan is-sena l-oħra. Il-banda daqqet kompożizzjonijiet ta’ Joseph Vella, George Borg u Giuseppe Giardini Vella. 

Nhar Ħamis ix-Xirka, mill-bażilika ta’ San Ġorġ ħarġet il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-kbira, l-eqdem purċissjoni f’Għawdex u l-aktar waħda devota. F’din il-purċissjoni ħadet sehem il-banda ‘La Stella’ li waqt li akkumpanjat il-purċissjoni daqqet sett ta’ marċi funebri. Din is-sena ġiet mistiedna wkoll il-banda ‘Santa Margerita’ ta’ Sannat. 

F’Jum l-Għid il-Kbir, il-banda ‘La Stella’ ħadet sehem ukoll fid-dimostrazzjoni reliġjuża bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt li ħarġet mill-bażilika ta’ San Ġorġ. Tul din id-dimostrazzjoni li għaddiet mill-qalba tal-belt Victoria, il-banda daqqet sett ta’ valzi, li ferħu lil dawk il-ħafna nies li attendew. Nhar il-Ħadd 15 ta’ April, il-banda ‘La Stella’ ġiet mistiedna wkoll biex takkumpanja purċissjoni oħra ta’ Kristu Rxoxt, din id-darba fir-raħal ċkejken tal-Fontana.