Join Us On:

News Archive

L-IMMAKULATA – STILLA FI STILLA

Il-lum tilħaq il-qofol tagħha l-festa ta’ l-Immakulata fil-Belt Victoria. 
 
Wara li l-bieraħ il-Banda Ċittadina la Stella mexxiet il-marċ tradizzjonali ta’ lejliet il-festa li ntemm bit-tlugħ tax-xbiha tagħha fuq pedestal għoli u dehbi fi Pjazza San Franġisk, il-lum l-istess banda takkumpanja l-purċissjoni solenni bl-istatwa artistika ta’ l-Immakulata, żina Marjana ta’ beltna.
 
“Stilla fi stilla” kienu jsejħulha missirijietna lill-Immakulata. U hekk ukoll insejħulha aħna, ulied missirijietna. 
 
L-Immakulata hija l-istilla qaddisa fl-istilla li hu Kristu. Hija l-istilla maħbuba fl-istilla li hi l-komunita’ Ġorġjana ta’ din il-belt. Hija l-istilla rebbieħa fl-istilla Kristjana li hi tabilħaqq il-gżira tagħna.
 
Il-festa ta’ l-Immakulata hija stilla ta’ devozzjoni Marjana li l-Franġiskani Konventwali rebħu għall-Knisja Kattolika wara taqtigħa kbira ta’ djalogu u kontroversji teoloġiċi u l-lum b’ħeġġa kbira jorganizzaw mad-dinja kollha. Kienu l-Franġiskani Konventwali li għal sekli sħaħ tqabdu biex it-tnissil bla tebgħa ta’ Omm Alla jiġi definit mill-Knisja bħala verita’ li l-Insara kollha għandhom jemmnu bħala verita’ ta’ fidi rivelata. 
 
Id-domma ta’ l-Immakulata Mimlija bil-Grazzja hija verita’ importanti ħafna u dan jidher mill-fatt li din id-definizzjoni dommatika tal-1854 wasslet, daqs mitt sena wara, għad-definizzjoni dommatika ta’ l-Assunzjoni ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija bir-ruħ u l-ġisem fis-sema. L-importanza ta’ din il-verita’ ta’ fidi mhix biss teoloġika imma għandha wkoll riflessi fl-istorja, fil-kultura, fl-arti u l-mużika. Dan jidher anki fostna, fil-ġmiel ta’ l-istatwa ta’ Salvatore Psaila, fis-sbuħija ta’ l-armar fil-knisja, fl-isplendur tal-mużika ta’ Monsinjur Farrugia, u fl-entużjażmu tad-devoti ta’ l-Immakulata.
 
Għall-grazzja t’Alla, il-jum tal-festa din is-sena wkoll sebaħ il-ġmiel tiegħu. Sa minn kmieni x-xemx tefgħet ir-raġġi tagħha fuq l-ilwien li qed iżejnu Pjazza San Franġisk u t-toroq ta’ madwarha – bandalori u pavaljuni, statwi u trofej, u bnadar fuq il-bjut, bnadar tal-Madonna b’foħrija lejha u ta’ San Ġorġ li b’tislima li tixirqilha. Il-każin tagħna qed itajjar ukoll l-istemma tiegħu fil-bandiera l-kbira, għax il-festa tal-lum hija wkoll il-festa tiegħu.
 
Ma’ l-ilwien li qed jilmgħu fid-dija tax-xemx ta’ Diċembru ta’ din is-sena 2009, qed nisimgħu matul dan il-jum kollu f’għaqda għalenija l-qniepen tal-kampnari tal-knisja Franġiskana u tal-bażilika Ġorġjana, u, flimkien magħhom, il-lejla, in-noti tal-Banda La Stella, ilkoll f’innu wieħed ta’ tifħir u glorja lill-Immakulata, l-istilla li b’imħabbitha xxebbaħ magħha lil kull qalb Ġorġjana u tagħmilha wkoll Marjana.
 
Is-sliem għalik, Stilla tal-baħar, ta’ l-art u tas-sema!
 
Is-sliem għalik, Stilla qaddisa li tqaddes, Stilla maħbuba li tferraħ, Stilla rebbieħa li tirbaħ fuq kull dalma tal-qalb u l-moħħ tal-bnedmin.
 
Is-Sliem għalik, Stilla li tiddi fil-jum aktar milli fil-lejl, għax inti… Stilla fi Stilla!