Join Us On:

News Archive

L-EWWEL SERVIZZ FIL-ĠIMGĦA MQADDSA

Nhar is-Sibt li għadda l-banda bdiet bl-impenji tagħha marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, propju b’kunċert ta’ mużika sagra fil-bażilika ta’ San Ġorġ. Għal dan il-kunċert, il-banda li kienet taħt id-direzzjoni tas-surmast Joseph Vella esegwiet numru ta’ kompożizzjonijiet reliġjużi li varjaw minn marċi funebri sa siltiet oħra sagri. Għall-kunċert, fost attendenza ferm tajba, kien hemm preżenti l-arċipriet tal-bażilika ta’ San Ġorġ Mons. Pawlu Cardona; l-arċipriet emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia u membri oħra tal-kapitlu Ġorġjan, kif ukoll membri tal-kumitat ġenerali tas-Soċjeta’ La Stella mmexxija mill-President is-Sur Paul Zammit.

Il-kunċert fetaħ b’żewġ kompożizzjonijiet mill-isbaħ tas-surmast Vella ddedikati lill-missieru, is-surmast Ġanni Vella u lil ommu. Dawn iż-żewġ kompożizzjonijiet indaqqu f’għeluq l-għoxrin sena mill-mewt ta’ missieru u  l-ħames snin mill-mewt ta’ omm is-surmast Vella. Imbagħad il-banda esegwiet uħud mill-marċi l-ġodda li ser jiġu esegwiti waqt il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, kompożizzjonijiet ta’ Mario Galea; George Borg; Sunny Galea; Joseph Sammut u tal-ex surmast tal-banda tagħna, il-mibki Giuseppe Giardini Vella. Matul il-kunċert indaqqu wkoll żewġ siltiet oħra sagri: The Hallelujah Chorus minn The Messiah  ta’ Handel fuq arranġament ta’ J. Kinyon; u arranġament ieħor tax-xogħol popolari ta’ Henry Purcell: The Trumpet Tune. F’dan il-kunċert ħa sehem ukoll il-kor Laudate Pueri li taħt id-direzzjoni tal-Kan. Ġorġ Frendo esegwixxa xogħol ieħor tas-surmast Joseph Vella: Miserere Ps 56.

Matul dan il-kunċert, li ġie ppreżentat mill-Kav. Joe M. Attard, ngħatat tislima lill-Kan. Joe Mejlak (1944-2008); kanoniku tal-Kolleġġjata Ġorġjana, fejn inqraw tliet poeżiji mill-pinna tiegħu: Golgota; Crucifige eum; u Kalvarju.

Il-banda tkompli bl-impenji tagħha nhar il-Ġimgħa li ġej, fejn ser takkumpanja l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li toħroġ mill-bażilika Ġorġjana. Il-purċissjoni tibda ħierġa fil-5.30pm eżatt wara l-funzjoni liturġika li ssir fil-bażilika.

Ritratti: Joe Attard