Join Us On:

News Archive

L-EWWEL RITRATT TAL-EWWEL SOĊJETÀ MUŻIKALI

Kitba ta’ Michael Said 

Ili ħafna biex nikteb xi ħaġa fuq dawk il-bandisti li bil-ħila tagħhom ġiet imwaqqfa l-ewwel soċjetà mużikali f’Għawdex: is-Soċjetà Filarmonika La Stella.  Inħoss li wasal iż-żmien li nikteb fuq dawn wara ħafna riċerka li rnexxieli nagħmel bl-għajnuna tas-surmast Sunny Galea, eks-bandist tas-Soċjetà La Stella, kif ukoll ta’ ibnu, il-bandist u solista Mario Galea, u ta’ Mikelanġ Formosa, eks-bandist tas-Soċjetà La Stella.

 
L-ewwel riċerka li għamilna kienet fuq l-eqdem ritratt li sibna ta’ din is-soċjetà li jġib id-data tal-4 ta’ Frar 1888, seba’ snin wara t-twaqqif legali tal-istess Soċjetà.  L-eqdem ritratt li għandha s-Soċjetà Il Leone jġib id-data ta’ xi tletin sena wara.
 
Morna għand ħafna mill-qraba tal-bandisti li jidhru f’dan ir-ritratt biex jiġu identifikati l-bandisti.  Sibna ħafna għajnuna.  Issa bil-pjaċir ngħid li nistgħu nuru r-riżultati.
 
Kien hawn min kiteb u qal li l-bandisti li jidhru f’dan ir-ritratt kienu kollha tfal.  Trid tifhem il-makakkerija u l-ħażen ta’ min qed isostni hekk.  Dan ġie li sostna li m’hemm xejn ħażin li wieħed jikteb dak li jaqbel lilu; mhux hekk biss għamel, iżda ġieli dawwar il-verità kif jaqbel lilu!  Jien li nħobb l-istorja ta’ dawn il-baned ta’ Għawdex nixtieq li – dan li jaf kollox – jagħmel riċerka sewwa fuq is-Soċjetà Il Leone u forsi fl-aħħar isib id-dati ta’ min kien president tal-istess soċjetà bid-dati ta’ meta dawn kienu presidenti.  Forsi fl-aħħar isib ukoll li l-lista li hemm fil-lapida mwaħħla fil-foyer tal-każin m’hix eżawrjenti u tħalli barra xi personalità li kienet president.
 
Fil-kuntratt tas-6 ta’ Frar 1881 tal-banda Il Leone hemm ċar ħafna min kien l-amministratur ta’ din il-banda.  It-tielet artiklu tal-kuntratt jgħid li d-direttur u amministratur ta’ din il-banda ma kien ħadd ħlief Achille Lanzon.  L-istatut kien jgħid ċar u tond li s-surmast kien l-amministratur u għalhekk il-banda Il Leone fl-ewwel snin tagħha ma kellhiex president.  Meta jien ġejt biex nirriċerka fuq il-presidenti ta’ din il-banda sibt li l-ewwel ma jissemma bħala viċi-president kien Michael Cassar pa fis-snin 1899-1903.  Imbagħad fl-1927 fil-Guida Generale nsibu li bħala segretarju kellha lil Vincenzo Tabone, bħala president Anton Tabone mps u viċi-president lil C. Attard paa.
 
Kemm-il darba riedu jgħidu li l-istorja tal-perit Pietru Attard kienet waħda ivvintata.  Ġibna l-provi min kien Pietru Attard, imlaqqam “Tal-Ispettur”, u min kien Pietru Attard imlaqqam “Ta’ Qassisu”.  Illum stabbilejna bla ebda dubju li l-perit Pietru Attard kien dak il-bniedem li ġabar dawk il-bandisti flimkien mas-surmast Antonio Buhagiar biex seta’ jsir dak il-kuntratt tal-11 ta’ Jannar 1881, li bih twaqqfet legalment l-ewwel soċjetà filarmonika f’Għawdex.
 
Is-sittax-il artiklu ta’ dan l-att pubbliku jsemmi li s-soċjetà msemmija jeħtiġilha taħtar il-kaxxier tagħha, li ried ikun jaf jikteb u jkun intelliġenti.
 
Nafu li mill-bidu bdiet tiġi mistiedna biex tmur iddoqq fil-festa tal-Madonna ta’ Loretu f’Għajnsielem u wara l-festa l-kaxxier kien jiġbor il-flus mill-parroċċa.  Nafu li l-perit Pietru Attard kien jiġbor dawn il-flus u f’xi snin ġieli mar jiġbor dan il-ħlas ħuh Feliċ Attard, li kien impjegat mal-Gvern bħala “keeper of pledges.
 
Bejn is-snin 1881-1885 insibu lill-perit Pietru Attard bħala president ta’ din is-soċjetà u meta bejn is-snin 1886-1889 il-perit Attard warrab minn president biex f’postu ġie maħtur Dr Fortunato Mizzi lld, politiku popolari f’dak iż-żmien, il-perit Attard minflok għamilha ta’ segretarju u wara wkoll mela l-post ta’ kaxxier.  Dam fil-kariga ta’ kaxxier mill-1899 sal-mewt tiegħu fl-1916.
 
Mill-kuntratt tal-1881 imsemmi aktar ’il fuq wieħed jinduna kemm dawn il-bandisti kienu ilhom fil-karriera tal-mużika.  Il-ħdax-il artiklu tal-kuntratt jagħmilha ċara li s-surmast jista’ jordna l-kunċerti kull ġimgħa “anki mil-lum stess”.  Dan juri li l-bandisti kienu ilhom is-snin fix-xena tal-mużika.
 
Huwa fatt iddokumentat li din is-soċjetà f’Ġunju 1880 daqqet l-ewwel programm mużikali fl-okkażjoni tal-festa ta’ Sant’Antnin fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, taħt il-bakketta tas-surmast Antonio Buhagiar.
 
Jidher ċar li dawk il-bandisti, li kienu jiffurmaw l-orkestra tat-Teatru Calypso – li ta’ min jgħid li kien infetaħ fl-1870 – ingħaqdu mas-Soċjetà La Stella Vincitrice.  Ftit wara s-surmast Buhagiar irriżenja minn surmast u minfloku ġie maħtur is-surmast Salvu Grima, is-surmast tal-orkestra tat-Teatru Calypso.  Dam f’din il-kariga mill-1881 sal-1884.
 
Il-fundatur ta’ dan it-teatru ma kien ħadd ħlief il-perit Pietru Attard.  Dan wieħed jista’ jikkonfermah mill-ġurnal La Lince tal-21 ta’ Jannar 1871, paġna 4.  Fost dawk il-bandisti kien hemm ukoll Mikielanġ Xerri (1863-1903) li kien idoqq il-baxx u li kien l-ewwel assistent surmast ta’ din il-banda.  Jien kont ktibt fuq dan il-bravu surmast fuq ir-rivista ta’ l-iStilla, fil-ħarġa numru 11.  Din l-orkestra kienet iffurmata minn tnax-il bandist kif jikkonferma artiklu li deher fil-gazzetta La Lince tad-9 ta’ Frar 1872, paġna 4.
 
Minn hemm joħroġ ċar it-tnissil tas-Soċjetà La Stella Vincitrice li kienet ġejja minn qabel l-1863 u li fl-1881 ġiet irreġistrata bħala l-ewwel soċjetà mużikali f’Għawdex.  Jidher ċar ukoll minn dan il-kuntratt li meta ġie miktub dawk il-bandisti li kienu dabbru xi ħaġa tal-flus mid-daqq ta’ wara l-bibien riedu jżidu xi emenda biex dawk il-flus li kienu daħlu mid-daqq ta’ wara l-bibien ma jkunux marbuta ma’ din is-soċjetà; u filfatt din it-talba ġiet imniżżla fil-kuntratt u ffirmata minn dawk il-bandisti, li kienu Anton Buhagiar (is-Surmast), Pietru Attard, Salvu Farrugia, M. Xerri, Ġużepp Bajada, Rafel Faenza, Mikelanġ Bugeja, u minn żewġ xhieda, li kienu Paolo Pace u Salvu Zammit, u n-nutar pubbliku Onorato Giovanni Refalo.
 
Jekk wieħed jifli sewwa min kienu dawk il-bandisti, Pietru Attard “Ta’ Qassisu” u Salvu Farrugia bin il-mejjet Wenzu biss kienu ġejjin mill-famuża antika soċjetà.  Minn hemm joħroġ ukoll li l-bandisti l-oħra kienu jagħmlu parti mill-orkestra tat-Teatru Calypso u dawn ukoll kienu jiffurmaw bħala banda ta’ dik l-epoka.
 
Meta l-famuż kittieb imsemmi fil-bidu ta’ dan l-artiklu jiltaqa’ ma’ xi żball, żgħir kemm hu żgħir, erħilu jiġbed il-widnejn ta’ dak u ta’ l-ieħor.  Fil-ktejjeb li ħareġ, li jġib l-isem ta’ It-twaqqif fis-seklu l-ieħor ta’ l-ewwel baned f’Għawdex, hemm ħafna żbalji.  Ser insemmilu wieħed biss.  Meta kiteb dawk l-ismijiet tal-bandisti li kienu jdoqqu wara l-bibien, ix-xhieda tal-kuntratt niżżilhom bħala bandisti u minn sebgħa ġabhom disgħa.

Żieda
Wara li fittixna fuq il-firma ta’ Antonio Buhagiar li tidher fl-aħħar tal-kuntratt sibna li dik il-firma kienet tas-surmast li kien iġib dan l-isem u mhux ta’ Antonio iben Salvu Buhagiar. (Fis-sezzjoni tar-Ritratti wieħed jista’ jinnota li l-firma li tidher fl-aħħar paġna tal-kuntratt tat-twaqqif tas-Soċ. Filar. La Stella, hija identika għal dik ta’ fuq manuskritt tal-mużika).

                                                                             *             *             *

L-Ewwel ritratt tal-banda ċittadina La Stella
4 ta’ Frar 1888
 
Weqfin
1        Karmnu Galea [Tal-Għaġina]: nannu ta’ Karistu, Żarenu (bandisti) u Michaelangelo (kumitat) Galea
2
3        Rafel Faenza: missier Dun Ġorġ Faenza; miżżewweġ lil oħt Mons. Giuseppe Farrugia [Tal-Vers]
4        Ġużeppi Buttigieg [Ta’ Komu] [Tax-Xamgħa]
5
6
7        Wiġi Falzon [Ta’ Bertu]
8        Saver Buhagiar: nannu ta’ Toni [Tal-Makaw]; kien bil-ħanut ta’ mastrudaxxa fi Pjazza San Franġisk
9        Salvu Buhagiar [Il-Gidfott]: ħu Saver (8) u nannu ta’ Ġanni [Tal-Orjenti]
10
11       David Grech [Ta’ Toni Duda]: ħu s-surmast Ġużeppi Grech
 
Bilqiegħda
12      Ninu Frendo: ziju ta’ Ninu Frendo [Ta’ Sarafina] (nannu tal-Kan. George J. Frendo)
13      Ġorġ Galea [Il-Mija] [Tal-Orjenti]: nannu tat-tabib Dr Sunny Galea
14       Karmenu Galea [Tal-Orjenti]: missier Salvu u Ġanni
15      Ġamri Farrugia [Ta’ Fakond]: missier Wiġi [Tal-Orjenti] u nannu ta’ Ġużeppi Cini [Rixu], eks-president onorarju tas- Soċjetà La Stella
16      Ġużeppi Borg: bin Indrì Borg, surmast tal-ewwel banda f’Malta
17      Franġisk Busuttil [Ta’ Ġannozz]
18      Pietru Attard [Ta’ Qassisu]: piżatur pubbliku; ziju tan-nanna tal-isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech min-naħa ta’ missieru
19       
20      Ġorġ Grech [Tal-Likk]: nannu ta’ Ġorġ Grech, president onorarju tas-Soċjetà La Stella
21      Mikelanġ Xerri [Il-Baħri]: l-ewwel assistent surmast; kien joqgħod fi Pjazza San Franġisk, fejn illum hemm il-ħanut tal-pasti ta’ Cordina
 
Quddiem
22
23
24        Randu Buhagiar [Il-Gidfott]: missier Ġużeppi [Il-Kobru]
25        Ġużeppi Agius [Il-Panzier]: missier Nikola
26       
27        Mikelanġ Galea [Tal-Orjenti] [In-Neguzjant]: ġuvni; ħu Ġorġ u Karmnu
28        Anton Buhagiar [Il-Gidfott]: bin Salvu (9)
29
30        Wiġi Buhagiar [Ta’ Komu]
 
Nota
In-numri li ħallejna vojta huma ta’ persuni li m’għandniex ħjiel ċert fuqhom.

(Dan l-artiklu deher fil-ktieb tal-festa, ħarġa numru 35, maħruġ mis-Soċ. Filar. La Stella f’Lulju 2009)