Join Us On:

News Archive

L-EWWEL ĦAMIS TA’ SAN ĠORĠ

Bħal-lum għaxar ġimgħat, il-belt Victoria, tkun f’nofs il-ġimgħa tal-festa ad unur il-patrun tagħha San Ġorġ Martri. Illum fil-bażilika proto-parrokkjali ta’ beltna nibdew id-disa’ Ħamisijiet li jwassluna għall-ġimgħa tal-festa. Mil-lum nibdew il-mixja li twassalna fl-aktar ġimgħa importanti fil-kalendarju tagħna r-Rabtin. Madanakollu dan ma jfissirx li l-preparazzjoni għall-festi l-kbar ta’ Lulju ser jibdew din il-ġimgħa. 

Is-Soċjeta’ Filarmonika La Stella, li sa mill-1882, kellha f’idejha l-festi esterni f’ġieħ San Ġorġ Martri, tibqa’ għaddejja s-sena kollha b’ħidma kontinwa bi preparazzjoni għall-dawn il-festi. Kull sezzjoni fi ħdan is-Soċjeta’ La Stella, mill-armar, għall-għaqda tan-nar, is-sezzjoni tat-tiġrijiet, tal-briju, u fuq kollox il-banda, il-qalb tas-Soċjeta’, ilkoll bi ħsieb wieħed f’ħidma katina li twassalna għall-jiem sbieħ ta’ Lulju. 

Il-banda ċittadina La Stella, wara l-programm mużikali suċċess tat-23 t’April, bdiet bil-kunċerti preparatorji li jwassluna għar-rekording tas-sett il-ġdid ta’ marċi brijużi tal-festa li ser isir ftit tal-ġimgħat oħra. Il-kumitat ġenerali f’kollaborazzjoni mal-amministrazzjoni tal-parroċċa, qed jaħdmu wkoll fuq l-aħħar irtokki tal-programm uffiċċjali tal-festa. L-istess jgħodd għas-sezzjonijiet l-oħra, li wkoll għandhom kollox imfassal sew biex flimkien jagħtuna spettaklu ta’ kuluri: briju, armar u nar fil-ġimgħa tal-festa.

Intant, illejla fil-bażilika proto-parrokkjali ta’ San Ġorġ fis-6.00pm ser issir quddiesa bl-omelija fuq il-patrun tagħna, fl-okkażjoni tal-ewwel Ħamis ta’ San Ġorġ. Għada mbagħad ser jiġi organizzat BBQ kbir fil-pjazza. F’dan il-BBQ ser jieħdu sehem il-grupp folkloristiku Astra li għadhom kif irritornaw mill-mawra tagħhom f’Budapest; l-Allegro Clefs u kantanti oħra lokali – dan flimkien ma’ numru ta’ tombli kbar. Il-biljetti jistgħu jinkisbu mill-bar tal-każin La Stella għall-prezz ta’ €12. Inħeġġukom tkunu magħna fil-bidu ta’ dawn id-disa’ ġimgħat li ser iwassluna għall-festa l-kbira tal-Għawdxin – il-festa ta San Ġorġ Martri, il-patrun ta’ beltna u l-protettur ta’ gżiritna, il-ġawhra tagħna, il-familja kbira tal-Istilla.