Join Us On:

News Archive

L-BANDA ĊITTADINA LA STELLA FIL-ĠIMGĦA MQADDSA


Il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa huma ġranet impenjattivi għas-Soċjeta Filarmonika La Stella tal-Belt Victoria fid-dawl tas-servizzi li tagħmel b’konnessjoni mal-programm tal-Ġimgħa Mqaddsa tal-Proto-Parroċċa ta’ San Ġorġ.

Appuntament li ta’ kull sena li l-Banda Ċittadina La Stella dejjem iżomm f’dawn iż-żminijiet hu l-kunċert ta’ mużika sagra ġewwa l-Bażilika ta’ San Ġorġ. Il-kunċert ser ikun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Prof. Joseph Vella u fih ser jieħu sehem ukoll il-Kor Laudate Pueri.

Fost il-biċċiet mużikali li ser jiġu esegwiti nsibu xogħlijiet ta’ Caccini, Chopin, Rossini, Hans Zimmer fost oħrajn. Il-Banda ser idoqq ukoll uħud mill-marċijiet funebri li jarrikixxu, dak li ħafna jistqarru li hu l-aktar arkiviju mużikali funebri prestiġġjuż fil-gżejjer Maltin. Il-kunċert hu skedat għal nhar is-Sibt  28 ta’ Marzu, jibda fit-8.00 pm u d-dħul huwa b’xejn.

Nhar Ħamis ix-Xirka imbagħad ikun imiss lill-Banda Ċittadina La Stella biex takkumpanja l-eqdem purċissjoni tax-xorti tagħha ġewwa Għawdex (pre-1788).  Il-purċissjoni antika u devota  toħroġ  mill-Bażilika ta’ San Ġorġ fis-7.00 p.m. u matulha l-Banda La Stella ddoqq sett ta’ marċi funebri popolari u oħrajn li jinsabu fl-album li nħareġ is-sena l-oħra Ecce Homo. Minn jixtieq jakkwista kopja ta’ dan l-album jista jagħmel dan mill-Każin tal-Banda La Stella jew fuq 79565250.

L-aħħar appuntament għall-Banda La Stella hu nhar Ħadd il-Għid filgħodu fit-8.45am bl-akkumpanjament tal-purċissjoni bil-vara ta’ Kristu rxoxt li toħroġ mill-Bażilika ta’ San Ġorġ.  Il-Banda hawn tesegwixxi valzi tal-Għid.

Matul dawn iz-żminijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa ser tkun qed tiġi mtellgħa wirja bl-isem ta’ Vexilla Regis, organizzata mil-Għaqda Żgħażagħ La Stella. Fost l-affarijiet esebiti ser ikun hemm statwi u pitturi ta’ artisti lokali u barranin, kollha relatati mal-Passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Il-wirja ser tkun imtella’ ġewwa it-Kazin tal-Banda La Stella u ser tkun miftuħa mill-Ġimgħa 27 ta’ Marzu u tagħlaq il-Ħadd 3 ta’ April.

Aktar informazzjoni fuq lastella.com.mt.mt

11009866_962683970422024_9021769113339688944_n 10942419_967889706568117_1662875471145328269_n JMJ_0549

(Ritratt: Joe Attard)