Join Us On:

News Archive

L-ASTRA FOLK GROUP JIBDA L-MAWRA TIEGHU F’BILLINGHAM

Il-bieraħ, 23 ta’ Lulju l-Grupp Folkloristiku Astra, ħalla pajjiżna biex jirrappreżenta lill-gżejjer Maltin, f’festival internazzjonali, fl-Ingilterra. Il-festival li ser jieħdu sehem fih huwa il-Billingham International Folklore Festival, li ilu jsir għal dawn l-aħħar 44 sena. Waqt dan il-festival il-Grupp Folkloristiku Astra bil-kant u ż-żfin tiegħu ser ikun qed jirriklama lil Malta u anke lil Għawdex bħala destinazzjoni turistika u anke kulturali. Ser jieħdu sehem f’dan il-festival diversi gruppi internazzjonali mill-Kolombja, Ġermanja, l-Italja, Malasja, Franza, Rumanija, Russja, Sri Lanka, Ġappun u l-Indja kif ukoll mill-Iskozja u mill-Ingilterra. Għalhekk il-parteċipazzjoni tal-Astra Folk Group f’dan il-Festival Internazzjonali ser tkun ta’ unur għal dan il-grupp folkloristiku, u għas-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ li tagħha jifforma parti, għax ser ikun l-ambaxxatur ta’ Malta fl-Ingilterra. Fil-fatt din il-mawra tal-grupp fl-Ingilterra qed tigi ssapportjata mill-Gvern Malti. Il-grupp li huwa mmexxi mis-sur Anton Zammit ser itemm din il-mawra nhar l-4 ta’ Awwissu.

Din mhux ser tkun l-ewwel mawra għall-grupp folkloristiku tagħna. Fil-fatt f’dawn l-aħħar 38 sena minn kemm ilu mwaqqaf ħa sehem f’diversi festivals tal-Folk fl-Ewropa u anke barra mill-Ewropa: fosthom fl-Italja, (Ruma, Firenze, Venezia, Alatri, Canicattini, Como, Lecce u Carpineto Romano, fl-iSvizzera (Lugano), fl-Ingilterra (Cambridge), fl-iSkozja (Glasgow), fi Franza (Cháteauvallon, Fontblanceh, Marsilja, Haguenau u Angers), fil-Libja (Tripli, Sebha u fl-Anfiteatru Ruman ta’ Sabrata), fil-Fillandja (Kaustinen), fl-Eġittu (Cairo, Alexandra u Port Said) u fir-Russja (Vorenezh u Moska). L-aħħar mawra għall-Astra Folk Group kienet propju sena ilu meta ħa sehem f’festival internazzjonali tal-folklor ġewwa Carpineto Romano, l-Italja.

Mill-ġdid nawguraw kull suċċess lill-membri kollha ta’ l-Astra Folk Group għal din il-mawra ġewwa Billingham. Fil-ġimgħat li ġejjin ngħaddulkom akar tagħrif dwar din il-mawra u dwar il-parteċipazzjoni tal-grupp folkloristiku tagħna f’dan il-festival tant prestiġjuż. Għal aktar tagħrif dwar dan il-festival internazzjonali wieħed jista’ jżur is-sit www.billinghamfestival.co.uk

24/07/2008