Join Us On:

News Archive

L-ARTIST JOHN L GRIMA JIPPREŻENTA L-PITTURA ORIĠINALI LIS-SOĊJETA

L-artist John L Grima ippreżenta l-pittura oriġinali kkummissjonata mit-Teatru Astra għall-poster tal-opra Norma, lis-Sur Paul Zammit, President ta’ Soċjetà Filarmonika La Stella.

Għal din il-pittura, l-artist ispira ruħu mill-istorja  li ssawwar l-opra, li ddur madwar il-karattru sod u determinat tad-Druwida Norma. Il-poster jirrifletti s-sbuħija u d-determinazzjoni ta’ din il-mara bid-daqqiet astratti tal-pinzell madwar wiċċha jirrappreżentaw il-kunflitt fil-ħsibijiet tagħha li fl-aħħar nett tal-opra jwasslu għas-sagrifiċċju tant kbir tagħha. Il-pittura għandha wkoll daqqiet tal-pinzell bil-lewn abjad li jirriflettu l-purità tal-ħsibijiet tagħha li minkejja li hi marret kontra l-wegħda ta’ kastità li kienet ħadet bħala Druwida, il-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħha baqgħu nobbli.

Norma se tittella’ darbtejn, il-Hamis 27 u s-Sibt 29 t’Ottubru fit-Teatru Astra. Il-produzzjoni ġġib flimkien kantanti internazzjonali ta’ fama impressjonanti, bil-parti prinċipali kantata mis-sopran Dimitra Theodossiou li hi meqjusa bħala l-Maria Callas fid-dinja tal-opra llum. 

Fadal ftit biljetti għaż-żewg rappreżentazzjonijiet, bil-booking jista’ jsir fuq 79256897 jew [email protected]. Iktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku www.mediterranea.com.mt. L-opra Norma tiftaħ l-għaxar edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, li jibqa’ għaddej sad-19 ta’ Novembru.