Join Us On:

News Archive

L-AĦĦAR XOGĦOL TAS-SURMAST VELLA PREMIERED F’PARIĠI

Ix-xahar ta’ Mejju, kien wieħed ferm impenjattiv għas-surmast direttur tal-banda tagħna, il-Professur Joseph Vella. Fil-fatt kompożizzjonijiet ġodda tiegħu ndaqqu u oħrajn ser jindaqqu għall-ewwel darba f’dan iż-żmien. L-ewwel xogħol mużikali li ndaqq f’dan ix-xahar kien il-Concerto for Clarinet and Orchestra Op 121, indaqq nhar it-Tlieta 3 ta’ Mejju ġewwa t-Teatru Manoel, bis-sehem tal-Orkestra Nazzjonali u s-solista Godfrey Mifsud fuq il-klarinett. Il-kunċert ġie mmexxi mis-surmast innifsu. Dan ix-xogħol ser jerġa’ jindaqq fl-1 ta’ Lulju, din id-darba f’Berlin fil-Hans Eissler Academy, mill-klarinettista Nur Ben Shalom.

Is-Sibt 7 ta’ Mejju rajna l-premier ta’ xogħol ieħor, din id-darba Oratorio: Filippu t’Aġġira Op. 122, fil-Parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ f’Malta. Din il-kompożizzjoni ta’ 90 minuta għal Solisti, Kor u Banda ġie kkummissjonata mill-banda 12 May ta’ Ħaż-Żebbuġ biex tfakkar il-50 anniversarju mit-twaqqif tagħha.

Nhar it-28 ta’ Mejju, Concerto No. 10 for Trumpet and Brass Ensemble Op 124 ser jiġi premiered f’Pariġi bis-sehem tal-Paris Brass Band u s-solista Alexis Demailly. Demailly huwa l-principal Trumpet tal-Orchestre de l’Opera de Bastille f’Pariġi, filwaqt li l-Paris Brass Band hija waħda mill-aktar ensembles rinomati fi Franza. Fil-fatt f’Diċembru li għadda rebħu l-All France National Championship for Brass Bands.

Minn din il-paġna nawguraw ħafna lis-surmast Vella għal dawn il-kunċerti u l-kompożizzjonijiet ġodda tiegħu.