Join Us On:

News Archive

L-AĦĦAR SERVIZZ FL-ISTAĠUN TAL-FESTI

Nhar is-Sibt 29 ta’ Awwissu, il-banda ċittadina u dekana La Stella temmet l-impenji tagħha fl-istaġun tal-festi f’Għawdex b’servizz lejlet il-festa tal-Madonna ta’ Loretu f’Għajnsielem. Għal darb’oħra s-servizz kien jinkludi marċ qasir u programm mużikali fuq il-planċier fil-pjazza majestuża ta’ dan ir-raħal. Bħal dejjem, il-banda La Stella onorat dan is-servizz bl-aħjar mod fejn tellgħet programm mużikali mill-aqwa, li ġie mfaħħar minn bosta li kienu preżenti. 

Il-banda La Stella, taħt id-direzzjoni tas-surmast il-Prof. Joseph Vella, esegwiet numru ta’ siltiet li ġew magħżula għall-programmi mużikali li ndaqqu fil-festi fl-irħula Għawdxin. F’dan l-istaġun tal-festi, il-banda ġiet mistiedna ttella’ xejn inqas minn sitt programmi mużikali – xhieda tal-isem kbir li minn dejjem kienet tgawdi l-banda dekana fejn jidħlu servizzi ta’ din ix-xorta. Fost is-siltiet li ndaqqu kellna: il-Marcia Sinfonica Sorrisi  ta’ Vincenzo Ciappara; Italian Festival ta’ Glenn Osser; selezzjoni mill-musical The Phanton of the Opera ta’ A. L. Webber; The Parade of the Charioteers mill-film Ben-Hur ta’ Miklos Rozsa; Night at the Ballet ta’ P. I. Tchaikovsky; The Band at the Opera b’selezzjonijiet minn opri differenti fuq arranġament ta’ Joseph Compello.

Minn issa ħarsitna tmur lejn il-kunċert sinfoniku annwali li jittella’ ta’ kull sena fit-Teatru Astra. Għal darb’oħra dan il-kunċert prestiġjuż ser jifforma parti minn Festival Mediterranea li jiftaħ fit-23 ta’ Ottubru u jagħlaq b’dan il-kunċert sinfoniku s-Sibt 21 ta’ Novembru. Fil-jiem li ġejjin tibda l-preparazzjoni għal dan il-programm b’kunċerti preparatorji li jibdew isiru ta’ kull ġimgħa. Is-siltiet mużikali li ser jiġu esegwiti diġa’ ġew magħżula mill-kummissjoni li tieħu ħsieb l-għażla tal-mużika fi ħdan il-kumitat direzzjoni banda. Ovvjament fuq dan l-avveniment annwali nilħqu nitkellmu aktar ‘il quddiem fuq dan is-sit. Fil-jiem li ġejjin dan is-sit ser iwasslilkom ħarsa dettaljata lejn l-impenji kollha li kellha l-banda tagħna fl-istaġun tal-festi 2009.