Join Us On:

News Archive

L-AĦĦAR PREPARAMENTI GĦAL-NORMA

F’Teatru Astra bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti għaż-żewġ rappreżentazzjonijiet tal-opra Norma, fil-faċilitajiet li gew imtejba fl-aħħar xhur permezz ta’ fondi akkwistati mill-iskema tal-Ministeru għal Għawdex taħt il-viżjoni ‘eko-Ghawdex’, li kienet miftuħa għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi.

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, żaret it-Teatru Astra s-Sibt filgħaxija waqt li kienet għaddejja prova tal-opra. Hi ltaqgħet mal-kantanti prinċipali u ma’ membri tal-kor li se jieħdu sehem, kif ukoll mal-grupp ta’ persuni li jaħdmu wara l-kwinti kif ukoll dawk fil-kumitat organizzativ. Iltaqgħet ukoll mad-direttur artistiku Enrico Stinchelli u mad-direttur mużikali l-Professur Joseph Vella. L-opra ferm diffiċli imma mill-isbaħ ta’ Vincenzo Bellini se tittella’ l-Ħamis 27 u s-Sibt 29 t’Ottubru.

Il-kantanti prinċipali għall-produzzjoni tal-opra ta’ din is-sena huma s-sopran Dimitra Theodossiou għall-parti ta’ Norma, meqjusa bħala waħda mill-iktar soprani famużi u importanti fid-dinja tal-opra llum, kif ukoll it-tenur Antonino Interisano fil-parti ta’ Pollione, il-mezzo-sopran Oana Andra fil-parti ta’ Adalgisa u l-baxx Dario Russo fil-parti ta’ Oroveso. Partijiet oħra huma kantati mis-sopran Dorienne Portelli għar-rwol ta’ Clotilde u mit-tenur Cliff Zammit Stevens fil-parti ta’ Flavio. L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se tkun immexxija mill-Professur Joseph Vella filwaqt li l-Kor tat-Teatru Astra hu mħarreg minn Dr. Maria Frendo.

Norma tiftaħ l-għaxar edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, li jinkludi numru ta’ attivitajiet li jesponu t-tradizzjoni kulturali tal-gżejjer Maltin f’dik li hi mużika, storja, arti u wirt storiku, u jibqa’ għaddej sad-19 ta’ Novembru.

Soċjetà Filarmonika La Stella, propjetarja ta’ Teatru Astra, gawdiet minn ftit inqas minn €50,000 taħt skema ta’ eko-Ghawdex biex jittejbu l-faċilitajiet u l-inizjattivi promozzjonali ta’ Festival Mediterranea. Il-proġett jinkwadra fil-miżuri immedjati ta’ eko-Għawdex għall-2010-2012, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-iżvilupp ta’ niċeċ turistiċi partikolari għal Għawdex.

Il-proġett kien jinkludi r-reklamar tal-opra Norma u ta’ Festival Mediterranea f’rivisti u f’siti online li jindirizzaw is-suq speċifiku tal-opra u dak tat-turiżmu kulturali għas-swieq internazzjonali, l-iktar dawk fl-Italja, ir-Renju Unit u l-Ġermanja. Kien jinkludi wkoll it-titjib tas-sit elettroniku tal-festival, il-bdil ta’ dawl għal wieħed li jiffranka l-enerġija u t-titjib ta’ parti mill-faċilitajiet ta’ wara l-palk u l-faċilitajiet bażiċi oħra tat-teatru.

Iktar informazzjoni dwar l-opra Norma u Festival Mediterranea tinsab fis-sit tat-teatru www.mediterranea.com.mt.