Join Us On:

News Archive

KUNĊERT MINN SOLISTI TAL-BANDA

Bħala parti mill-Victoria International Arts Festival 2010, tliet solisti mill-banda tagħna tellgħu kunċert nhar il-Ħadd 4 ta’ Lulju fl-Awla Mons. Giuseppe Farrugia, fejn esegwew numru ta’ siltiet mużikali bl-istrument tagħhom akkumpanjati mill-pjanu. It-tliet solisti kienu Mario Galea u George Agius fuq il-klarinett u George Camilleri bl-Ewfonju. Huma kienu akkumpanjati mill-pjanista Dr Maria Frendo.

Fetaħ il-kunċert iż-żagħżugħ George Agius bil-klarinett fejn esegwixxa xogħol mill-isbaħ ta’ Weber: il-Concerto in Eb Major. F’dan ix-xogħol spikkaw l-abiltajiet tekniċi u interpretattivi tal-klarinettista. Kien imiss imbagħad lil George Camilleri bl-Ewfonju fejn esegwixxa xogħol kontemporanju ta’ Deronge: Walking on Music, fejn hawn għal darb’oħra dehru l-kwalitajiet li jħaddan dan il-mużiċist fuq dan l-istrument.

Mario Galea esegwixxa żewġ xogħlijiet oħra li ntlaqgħu ferm tajjeb ukoll mill-udjenza. L-ewwel daqq it-tieni moviment mill-Concerto No. 1 in F Minor, ta’ Weber xogħol mill-aktar delikat u sabiħ, u mbagħad  esegwixxa kompożizzjoni oħra mill-isbaħ u mill-aktar impenjattiva: Solo de Concours ta’ A. Messager – xogħol li fih spikka bla dubju t-teknika u l-versatilita’ li jipposjedi s-solista. 

Kunċerti bħal dawn, jagħtu spazju aktar lill-bandisti tagħna li tassew jippromettu biex juru u jiżviluppaw aktar it-talent li jipposjedu. Is-Soċjeta’ tagħna li dejjem matul l-istorja tagħha kellha mużiċisti ta’ stoffa, qed tkompli taħdem biex tagħti opportunitajiet bħal dawn lill-prodotti tagħha – il-bandisti, li huma fuq kollox is-sisien tas-Soċjeta’ mużikali tagħna.