Join Us On:

News Archive

KUNĊERT MILL-ISBAĦ MIL-“LA STELLA SOLOISTS”

Il-bieraħ bħala parti mis-sitt edizzjoni ta’ Festival Mediterranea kien imiss kunċert ieħor bl-isem “La Stella Soloists” – kunċert li ta l-opportunità lil mużiċisti żgħażagħ li jippromettu ferm fi ħdan is-Soċjetà Mużikali tagħna biex jesebixxu lilhom infushom. Għall-kunċert li sar fl-Aula Mons. Ġużeppi Farrugia ġewwa l-bażilika ta’ San Ġorġ, kien hemm attendenza numeruża, fosthom numru kbir ta’ turisti. Kien hemm preżenti wkoll l-Arċipriet Emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia, il-president tas-Soċjetà Dr Joseph Grech, Paul Zammit viċi-president, u Dolindo Cassar segretarju tas-Soċjetà flimkien mas-Surmast, il-Prof. Joseph Vella.

Fil-bidu tas-serata, is-surmast Vella introduċa lill-mużiċisti li kienu ser jieħdu sehem, biex imbagħad kien imiss lil George Camilleri fuq l-Euphonium (akkumpanjat minn Stephen Attard fuq il-pjanu) li jesebixxi ruħu. George daqq silta mużikali ta’ George Doughty bl-isem ta’ “Grandfather’s Clock” – silta li tirrekjedi attenzjoni kbira, delikatezza, li fl-istess ħin toħroġ fil-beraħ il-ħiliet tekniċi tas-solist. Din ma kinitx l-ewwel darba li George Camilleri daqq mal-banda bħala solist. Nistgħu ngħidu li din id-darba wkoll ħareġ bl-unuri u jixraqlu kull awgurju min-naħa tagħna għall-futur tiegħu. George huwa bandist li m’hemmx dubju jagħmel unur lis-Soċjetà tagħna u aħna lkoll ninsabu kburin li l-banda tagħna tħaddan fiha mużiċisti bħal George Camilleri.

Kien imiss imbagħad lil “La Stella Clarinet Quartet” iffurmat minn Noel Beck, għalliem ta’ l-allievi u assistent surmast tal-banda, li daqq flimkien ma’ George Apap, George Agius, u Silvio Cini – tliet klarinettisti li lkoll ġew mgħallma minn Noel Beck – bniedem espert fejn jidħol it-tagħlim tal-klarinet, li jixraqlu kull tifħir għax-xogħol impekkabbli li qed jagħmel b’mod speċjali fis-sezzjoni ta’ l-allievi tas-Soċjetà tagħna. Il-Clarinet Quartet daqq siltiet varjati minn mużika klassika ta’ Mozart, sa mużika jazz mill-pinna ta’ Gershwin. Is-sereta ntemmet b’selezzjoni mill-opra “Il Barbiere di Siviglia”, li fiha spikkat il-koordinazzjoni li kien hemm bejn il-klarinettisti, kif ukoll il-ħila teknika li jippossjedu. Tassew taw wirja brillanti, li għal darb’oħra għamlitna kburin li l-banda tagħna tħaddan mużiċisti ta’ talent liema bħalu.

Dan il-kunċert huwa xhieda li l-banda tagħna, għalkemm hija l-eqdem waħda fi gżiritna, għadha banda żagħżugħa, b’mużiċisti ta’ talent, li lkoll jagħmlulna kuraġġ biex inħarsu lejn il-futur tas-Soċjetà tagħna.

[ritratti: joe attard ©]