Join Us On:

News Archive

KUNĊERT MILL-AQWA MILL-BANDISTI TAGĦNA

Bħala parti mid-disa’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, il-banda La Stella preżentat kunċert fl-Awla Mons. Giuseppe Farrugia, nhar is-Sibt 6 ta’ Novembru, minn solisti tagħha u anke minn brass ensemble. Għal dan il-kunċert kien hemm waħda mill-akbar attendenzi li kellna dan l-aħħar għal kunċerti simili fil-bażilika ta’ San Ġorġ – u żgur li min kien preżenti apprezza kull minuta minn dan il-kunċert li kien imżewwaq b’mużika mill-isbaħ.

Is-solisti George Apap, Mario Galea, u George Camilleri, flimkien mal-assistent surmast Noel Beck, ilkoll ħarġu bl-unuri fl-esekuzzjoni tagħhom fl-ewwel parti tal-programm. Fetaħ il-programm, il-klarinettista George Apap li esegwixxa Three Fantasy Pieces tal-kompożitur Ġermaniż, Robert Schumann. Fi tmiem din il-kompożizzjoni impenjattiva, ngħaqad miegħu l-assistent surmast Noel Beck, klarinettista rinomat, b’esperjenza anke ‘l barra minn xtutna u flimkien daqqu l-Concerto in Bb, miktub għal żewġ klarinetti minn Carl Stamitz. Hawn ukoll spikka b’mod partikolari l-kompatibilita’ bejn iż-żewġ klarinettisti li esegwew dan ix-xogħol b’mod impekkabbli. Huma kienu akkumpanjati mill-pjanista Yvette Galea.

Kien imiss lill-Ewfonista George Camilleri li fl-ewwel miż-żewġ xogħlijiet tiegħu semmgħalna kompożizzjoni mill-isbaħ u mill-aktar delikata tal-kompożitur kontemporanju Philip Sparke: Aubade. Aktar tard fil-programm, Camilleri, esegwixxa xogħol ieħor din id-darba ferm aktar tekniku ta’ kompożitur ieħor kontemporanju, Peter Graham: Brillante. M’hemmx dubju li fiż-żewġ okkażjonijiet Camilleri, wera l-kapaċitajiet kbar tiegħu fuq l-istrument, kemm f’dik li hija teknika u anke fl-espressjoni. Xogħol ieħor mill-aktar tekniku kien dak interpretat mis-solista, Mario Galea fuq il-klarinett fejn esegwixxa l-kompożizzjoni ta’ Gioacchino Rossini: introduction, Theme and Variations. Galea, li huwa wkoll il-leader tal-banda La Stella, ħareġ il-ħiliet kbar tiegħu fl-interpretazzjoni ta’ din il-kompożizzjoni. Galea u Camilleri kienu akkumpanjati mill-pjanista Antoine Theuma.

Fit-tieni parti tal-programm, wara intervall qasir, daħlu fix-xena, il-brass ensemble ffurmata minn: Robert Buttigieg; Clint Gatt; Nathaneal Zammit (Kurunetti); Ino Mario Attard (Althorn); George Camilleri u Anton Sacco (Ewfonju); Aaron Cini (Trumbun); u Antoine Theuma (Baxx). Huma esegwew tliet arranġamenti għal sezzjoni tar-ramm li huma: Preghiere tas-surmast Vella; Medley ta’ The Beatles; u Gabriel’s Oboe mill-film The Mission. Fit-tliet okkażjonijiet, il-bandisti tagħna ħarġu bl-unuri kollha. Din l-ensemble ġiet imħarrġa minn George Camilleri, li ta’ kull ġimgħa qed jiltaqa’ ma’ numru ta’ bandisti mis-sezzjoni tar-ramm biex ikomplu jissaħħu fl-istrument rispettiv tagħhom. Dan bla dubju qed iħalli l-frott mixtieq.

Dan il-kunċert huwa ċertifikat ieħor, li jixhed kemm Festival Mediterranea qed jippromwovi t-talent lokali, fl-attivitajiet varji li ġew preżentati f’din l-edizzjoni – ibda mill-opra La Traviata bis-sehem ta’ numru ta’ solisti lokali u fuq kollox ir-rwol ewlieni interpretat mis-sopran Għawdxija Miriam Cauchi; u anke l-produzzjonijiet ta’ żfin, drama u kunċerti li għandna f’din l-edizzjoni. L-appuntament li jmiss mal-banda La Stella huwa l-programm mużikali annwali, li ser isir nhar is-Sibt 20 ta’ Novembru, fit-Teatru Astra. Aktar dettalji fuq il-programm annwali, fil-ġranet li ġejjin.