Join Us On:

News Archive

KUNĊERT MIL-“LA STELLA YOUTH ENSEMBLE”

Nhar it-Tnejn 18 ta’ Ġunju, tmien bandisti żgħażagħ ħadu sehem fil-Victoria International Arts Festival. Dawn il-bandisti ngħataw opportunità oħra sabiex juru l-kapaċità individwali tagħhom fuq l-istrument, kif ukoll biex idoqqu f’ensemble. Din kienet ir-raba’ sena konsekuttiva li fiha ħadet sehem il-La Stella Youth Ensemble, f’dan il-festival ewlieni fi gżiritna.

Il-bandisti li ħadu sehem kienu Nathaniel Zammit fuq il-kurunetta, fejn daqq silta ta’ Mendelssohn ‘Nocturne’. Għal Nathaniel din kienet l-ewwel opportunità li jdoqq bħala solista ma’ pjanista. Fil-fatt huwa ħareġ idoqq għall-ewwel darba fil-festa tas-Salvatur ġewwa l-Għasri. Warajh daqq ukoll bandist ieħor Jonathan Brignoli li wera l-kapaċitajiet tiegħu fuq il-klarinett meta daqq it-tieni minn Tliet Intermezzi ta’ Stanford. Aaron Cini fuq it-trombone daqqilna siltiet ferm popolari mill-opera ‘Carmen’ ta’ Bizet fosthom ‘Song of the Toreador’ u ‘Habanera’. Robert Buttigieg, l-iżgħar bandist tal-banda tagħna, fuq il-kurunetta daqq silta ta’ Beethoven, il-fantasia minn ‘The Moonlight Sonata’. James Grima fuq il-klarinett daqqilna tliet siltiet differenti minn kompożituri varji: “Clarinet Polka” ta’ Himmel; “Stranger on the Shore” silta jazz ta’ Bilk; u “Rhapsody in Blue” ta’ Gershwin. Ma’ dawn daqq ukoll fuq il-klarinett Francis J. Borg, li ta’ interpretazzjoni mill-aqwa f’biċċtejn verament impenjattivi – żewġ dance preludes ta’ Lutoslawsky.

Kien imiss imbagħad li dawn iż-żgħażagħ idoqqu fi duet, trio u bħala ensemble. It-tfajjel Robert Buttigieg fuq il-kurunetta ngħaqad ma’ Gareth Vella fuq l-Althorn fi duet għal Kurunetta u Althorn. Warajhom daqqew fi trio Francis J. Borg, James Grima u l-għalliem tagħhom George Apap, ilkoll fuq il-klarinett fi trio kompożizzjoni ta’ Mozart. Fl-aħħarnett brass ensemble għalqu din is-serata b’eżekuzzjoni mill-aqwa tat-tema mużikali ta’ “The Muppet Show”. F’din l-ensemble daqqew, Robert Buttigieg, Nathaniel Zammit, Gareth Vella, Aaron Cini u Albert Cachia (Drums).

Din kienet opportunità oħra mill-aqwa għall-dawn iż-żgħażagħ biex jesponu t-talenti tagħhom. Il-banda “La Stella” minn dejjem tat importanza lill-element żgħażugħ fi ħdanha, u dan qed tkompli tinkoraġġieh sal-lum il-ġurnata grazzi għall-ħidma għaqlija ta’ l-għalliema ta’ l-aljievi Mro Noel Beck, George Apap u Michel Refalo, kif ukoll tas-surmast direttur il-Prof. Joseph Vella. Xieraq nirringrazzjaw minn qalbna lil Dr Maria Frendo li akkumpanjat lil dawn l-aljievi fuq il-pjanu. Grazzi tal-hidma kontinwa taghha b’risq il-banda taghna. Grazzi wkoll lil Mgr Arcipriet Guzeppi Farrugia li ghal darbohra laqghana f’din is-sala mill-isbah, fejn tellajna dan il-kuncert.

Intant filwaqt li nħallu lil ħaddieħor ikompli joħlom bis-“supremazija”, aħna minn qalbna nawguraw lil dawn il-bandisti biex ikomplu bl-istudji tagħhom ħalli jiksbu aktar suċċessi fil-futur, nirringrazzjaw lill-għalliema tagħhom, u nħeġġu aktar żgħażagħ biex bħal dawn, jingħaqdu magħna u jibdew jitħarrġu fuq xi strument, biex b’hekk inkomplu nibnu l-futur ta’ din il-banda biex tibqa’ bħal ma dejjem kienet fl-ogħla post fil-qasam bandistiku f’pajjiżna.

(Ritratti: Joe Attard)