Join Us On:

News Archive

KONFERENZA TAL-AĦBARIJIET DWAR IL-FESTIVAL MEDITERRANEA 2011

Il-Bank of Valletta u t-Teatru Astra, illum ħabbru b’mod uffiċjali l-Festival Mediterranea li issa wasal fl-10 edizzjoni tiegħu.  Il-konferenza stampa saret fiċ-Ċentru tal-Bank of Valletta u fiha ġie spjegat dak li se jsir bejn is-27 t’Ottubru u d-19 ta’ Novembru. Il-ġurnalisti ġew indirizzati minn Tonio Depasquale, Kap Eżekuttiv ta’ BOV, Michael Formosa, chairman ta’ Festival Mediterranea u l-Professur Mro. Joseph Vella, direttur mużikali tal-festival.

Għall-informazzjoni ta’ dawk li jżuru dan is-sit qed nirriproduċu t-test tal-istqarrija lill-istampa.

Wieħed jista’ jidħol fil-paġna tal-attivitajiet ta’ din is-sit biex jikseb informazzjoni fil-qosor dwar dak li jkun se jiġri fil-Festival https://www.lastella.com.mt

Informazzjoni fid-dettal dwar il-Festival Mediterranea tista’ tinkiseb billi tidħol fis-sit elettroniku http://www.mediterranea.com.mt. Biex wieħed jibbukkja xi attività jista’ jikteb fuq [email protected] jew iċempel fuq 21550985 jew 79256897. 

_______________________________________________________________________________________________

27 ta’ Settembru 2011

Bank of Valletta u Teatru Astra jniedu Festival Mediterranea 2011
L-10 edizzjoni ta’ ċelebrazzjoni kulturali f’Għawdex

Teatru Astra, f’kollaborazzjoni ma’ Bank of Valletta, nedew l-għaxar edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, ċelebrazzjoni ta’ arti u kultura twila xahar sħiħ fil-qalba ta’ Għawdex.

Il-festival ta’ din is-sena, bi programm sħiħ u varjat ta’ attivitajiet kulturali, mill-opra sal-ikel u l-inbid, se jsir bejn is-27 t’Ottubru u d-19 ta’ Novembru.

Il-programm tal-attivitajiet kien imniedi llum f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fiċ-Ċentru tal-Bank of Valletta f’Santa Venera, indirizzata minn Tonio Depasquale, Kap Eżekuttiv ta’ BOV, Michael Formosa, chairman ta’ Festival Mediterranea u l-Professur Mro. Joseph Vella, direttur mużikali tal-festival.

Michael Formosa spjega li l-għanijiet tal-festival huma tnejn – dak li jqanqal interess u apprezzament dwar il-kultura lokali fost dawk li jgħixu f’Malta u f’Għawdex imma wkoll li jservi ta’ attrazzjoni kulturali addizzjonali għat-turist kulturali, b’sena wara l-oħra jirnexxilu jikkontribwixxi lill-ekonomija t’Għawdex b’mod partikolari minħabba l-kwantita’ ta’ turizmu intern li jiġġenera. Fil-fatt, il-festival isir fl-aħħar t’Ottubru u Novembru minħabba li dawn huma xhur li matulhom it-turiżmu ma jkunx fl-aqwa tiegħu.

Hu spjega l-programm ta’ attivitajiet għal din is-sena, li minbarra l-opra bħala l-attivita’ prinċipali, jinkludi numru ta’ kunċerti, kif ukoll taħdidiet u żjarat f’postijiet ta’ interess, li jkopru minn żmien il-Preistorja sa dak tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, kif ukoll minn dak Barokk għal dak Romantiku. Il-festival jagħti prominenza wkoll lil tradizzjonijiet u snajja’ lokali b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni tal-ikel u l-għeneb għall-inbid.

Il-Professur Mro. Joseph Vella spjega li l-festival jiftaħ bl-iktar attivita’ impenjattiva – l-opra, li f’Teatru Astra ssir f’żewg serati, fil-ftuħ tal-festival il-Ħamis 27 t’Ottubru u s-Sibt 29 t’Ottubru. L-opra ‘Norma’ ta’ Vincenzo Bellini toffri waħda mill-ikbar sfidi għal dan it-tip ta’ opra u hu għalhekk li l-organizzaturi tal-festival għazlu propju dan ix-xogħol biex bih jiċċelebraw l-għaxar edizzjoni ta’ dan il-festival kulturali.

Għal din il-produzzjoni Teatru Astra rnexxielu jakkwista s-servizzi tal-ħiliet eċċellenti tas-sopran Dimitra Theodossiou għall-parti prinċipali, li se tkanta għall-ewwel darba f’Malta. Magħha, it-tenur Antonino Interisano għall-parti ta’ Pollione, li se jirritorna fuq il-palk tat-Teatru Astra wara numru ta’ impenji fl-aħħar snin. Kantanti oħrajn jinkludu lill-kantanta Rumena Oana Andra għall-parti ta’ Adalgisa filwaqt li t-Taljan Dario Russo se jkanta l-parti ta’ Oroveso. Id-direttur mużikali tal-festival se jkun qed jidderiegi lill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta filwaqt li jiehu sehem ukoll il-kor tal-opra ta’ Teatru Astra, imħarreg minn Dr Maria Frendo, li miegħu jingħaqdu elementi maskili minn Teatro dell’Opera ta’ Ruma. Id-direttur tal-palk Enrico Stinchelli, Taljan, se jkun qed joħloq il-produzzjoni artistika.

Attivitajiet oħra mużikali f’dan il-festival jinkludu kuncert fuq il-pjanu u vjolin, il-quddiesa tal-Ħadd kantata bis-sehem tal-Kor Laudate Pueri, kunċert minn La Stella Brass Ensemble and Soloists, u l-kunċert annwali tal-Banda Filarmonika La Stella li jippreżenta għażla ta’ biċċiet popolari, klassici u operistiċi.

“Bank of Valletta ta l-għajnuna tiegħu lill-edizzjonijiet kollha ta’ dan il-festival” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ Bank of Valletta Tonio Depasquale. “L-Arti u l-Kultura għandhom post prominenti fil-programm ta’ għajnuna lill-Komunità li fiha jaħdem Bank of Valletta. Aħna rajna l-festival jikber matul is-snin u kburin li dejjem konna parti minn dan l-avveniment li sar attrazzjoni fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna u qiegħed dejjem jiġbed udjenzi ikbar”.

Festival Mediterranea hu organizzat minn voluntieri f’Teatru Astra f’Għawdex, bl-għajnuna mill-iktar importanti ta’ sieħba bhal Bank of Valletta, mingħajr liema ma jkunx possibbli li jsir.

Sħab oħra għall-festival jinkludu l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, Vodafone Malta Foundation, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, il-Kunsill Malti tal-Arti u l-Kultura, u l-Kunsill Lokali tar-Rabat (Għawdex).