Join Us On:

News Archive

KONFERENZA STAMPA: FESTIVAL MEDITERRANEA 2015

BOheme Launch-2

It-Teatru Astra, bl-appoġġ tal-Bank of Valletta, għandu l-pjaċir iħabbar l-erbatax-il edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, b’serje ta’ avvenimenti kulturali f’Għawdex bejn l-20 ta’ Ottubru u s-6 ta’ Diċembru 2015. Festival Mediterranea hu attrazzjoni unika, u hu l-uniku festival tat-tip tiegħu fil-gżejjer Maltin. B’attenzjoni partikulari tingħata lit-talent artistiku lokali, dan il-Festival jiġbor flimkien l-elementi ta’ kultura għolja u l-produzzjoni ta’ opra lirika.

L-edizzjoni ta’ din is-sena tnediet uffiċjalment f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Sur Charles Borg, Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, s-Sur Michael Formosa, Chairman ta’ Festival Mediterranea, u l-Prof. Mro Joseph Vella, direttur artistiku tal-Festival.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta Charles Borg tkellem dwar il-mod ta’ kif avvenimenti bħal dawn jarrikkixxu l-kultura tagħna. “Din is-sena Festival Mediterranea jinsab fl-erbatax-il edizzjoni tiegħu, u aħna kburin ngħidu li l-Bank of Valletta ilu jagħti sehmu b’riżq din l-inizjattivà sa mill-ewwel edizzjoni. Il-Festival huwa element kruċjali fit-tisħiħ tal-kalendarju kulturali tal-gżejjer Maltin u rajnieh jikber gradwalment minn sena għall-oħra. Il-qasam kulturali taħt il-programm ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva tal-Bank ikompli jistimula l-ekonomija lokali, għax dan il-Festival, mifrux fuq medda ta’ aktar minn xahar, joħloq attività f’dak iż-żmien tas-sena meta l-attività turistika f’Għawdex tkun pjuttost kajmana. Aħna kuntenti li qed niffurmaw parti minn din l-istorja ta’ suċċess”, temm jgħid is-Sur Borg.

Michael Formosa, iċ-Chairman tal-Festival, osserva li l-interess li qed iqajmu dan il-Festival u l-Opra fiċ-ċrieki artistiċi lokali u internazzjonali qed ipoġġi lit-Teatru Astra fuq l-istess livell ta’ wħud mill-aqwa teatri fi bliet Ewropej. Hu esprima rikonoxximent għall-ħidma ta’ għadd kbir ta’ voluntiera, fil-parti l-kbira tagħhom żgħażagħ, involuti fil-qasam artistiku, tekniku u amministrattiv tal-Opra u tal-Festival. Huwa saħaq li t-Teatru Astra, minkejja s-sostenn ta’ bosta entitajiet u tal-Istat, xorta għadu jqis li l-element volontarju, minkejja l-isfidi kbar tal-lum, hu fattur essenzjali li jagħmilha possibbli għas-Soċjetà Filarmonika La Stella li tidħol għal avventuri fuq skala hekk kbira.

Is-Sur Formosa għamel aċċenn speċjali għall-koperazzjoni ambizzjuza ġdida li t-Teatru Astra daħal għaliha fl-isfera operistika internazzjonali, meta ġie magħżul sabiex jipprovdi x-xenarju li kien sar għall-opra Nabucco ta’ Ottubru li għadda f’Għawdex għall-produzzjoni tal-istess opra li saret f’Rimini, l-Italja. Huwa sostna li dan kien proġett ieħor li jkompli jagħmel isem mhux biss lit-Teatru Astra imma wkoll lil Malta u Għawdex. Kooperazzjoni oħra sinifikattiva li daħal għaliha t-Teatru Astra hi dik mat-Teatru Manoel. Għal darba oħra fil-programm tal-Festival qed isir opera workshop bis-sehem tal-kantanti u d-diretturi ta’ l-opra La Boheme.

Iċ-chairman ta’ Festival Mediterranea temm l-intervent tiegħu billi ħabbar li l-opra lirika li ntgħażlet biex tittella fit-Teatru Astra f’Ottubru tas-sena d-dieħla ser tkun l-opra kolossali AIDA ta’ Giuseppe Verdi.

Il-Prof. Joseph Vella, direttur mużikali tat-Teatru Astra, spjega kif l-opra La Boheme hija waħda mill-isbaħ opri ta’ Giacomo Puccini. Hu spjega li din hi opra stupenda li għal darb’oħra sa tkun fost l-aqwa attrazzjonijiet fit-tradizzjoni ta’ eċċellenza li issa saret sinonima mat-Teatru Astra, b’kast fantastiku ta’ solisti, sapport korali formidabbli, kollha fl-ambitu tas-settijiet u x-xenarju impekkabbli li issa mdorrijin naraw. Dan kollu hu garanzija ta’ serata operistika li wieħed jibqa’ jiftakar.

Bħal fis-snin l-imgħoddija, anki din id-darba l-qofol tal-Festival hu l-produzzjoni tal-opra, u għal din is-sena ntgħażlet waħda wisq popolari mad-dilettanti tal-opra. Għaliha, kif inhi t-tradizzjoni tat-Teatru Astra, ġew ingaġġati solisti tal-ogħla livell, fosthom is-sopran Miriam Cauchi, wiċċ familjari ħafna mal-opra lirika fit-Teatru Astra, u t-tenur Leonardo Caimi li ser jinterpreta l-parti ta’ Rodolfo, l-baritonu Devid Cecconi, li ser jinterpreta lil Marcello, l-baxx Gabriele Sagona, u l-kontralt Oana Andra li ser taqdi l-irwol ta’ Musetta.

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta ser tkun taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Vella, Direttur Artistiku tal-Festival u tat-Teatru Astra, filwaqt li l-Astra Opera Chorus ġie ppreparat minn Dr Maria Frendo. L-Opra sa tittella’ għall-pubbliku darbtejn, il-Ħamis 29 u s-Sibt 31 ta’ Ottubru, fis-7.30pm.

Avveniment b’rabta mal-produzzjoni tal-opra ser jinżamm nhar it-Tlieta 20 ta’ Ottubru fit-Teatru Manoel, il-Belt Valletta, fejn ser tiġi organizzata opera workshop bis-sehem tar-reġista tal-opra, l-Prof. Enrico Stinchelli, u d-direttur mużikali tagħha, l-Prof. Joseph Vella, kif ukoll bis-sehem tas-solisti li se jkunu qed jieħdu sehem f’La Boheme ta’ din is-sena. Din l-inizjattiva ta’ natura edukattiva ġiet introdotta b’esperiment li rnexxa fl-edizzjoni ta’ Festival Mediterranea tas-sena li għaddiet u ser terġa’ tiġi organizzata fuq livell aħjar anke din is-sena. Il-workshop tibda fil-5.30pm u l-parteċipazzjoni fiha hija mingħajr ħlas.

BOheme Launch-6

Appuntamenti kulturali oħra ta’ natura muzikali, storika u edukattiva jinkludu kunċert vokali mis-sopran Arienne Gartey u l-pjanista Julia Miller nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Ottubru fil-lukanda Kempinski San Lawrenz, taħdidiet pubbliċi minn Dr Abraham Borg u minn Dr Mark Sagona nhar is-Sibt 31 ta’ Ottubru u nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru rispettivament, il-produzzjoni De Profundis ta’ Oscar Wilde bil-parteċipazzjoni tal-Gozo Theatre Creative Club nhar is-Sibt 14 ta’ Novembru, u d-dramm Dehra mill-Pont, ta’ Arthur Miller, fit-Teatru Astra nhar is-Sibt u l-Ħadd 5 u 6 ta’ Diċembru. Barra minn hekk, bejn it-23 ta’ Ottubru u l-15 ta’ Novembru ser tittella’ l-wirja Art Genius From Father To Daughter fil-muzew Il-Ħaġar│Heart of Gozo, il-Belt Victoria, b’arti ta’ l-artist famuż Mario Caffaro Rore u ta’ bintu Adriana.

Appuntamenti oħra mill-aktar importanti fil-programm ta’ Festival Mediterranea se jkunu seminar dwar il-kontribuzzjoni tradizzjonali u kulturali tal-baned lokali, liema seminar ser jinzamm nhar is-Sibt 14 ta’ Novembru filgħodu fis-Sala tal-Wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex, kif ukoll wirja bl-istess tema fil-foyer tat-Teatru Astra.

Il-Banda Ċittadina u Dekana La Stella tipprezenta l-Kunċert Annwali tagħha nhar is-Sibt 21 ta’ Novembru fis-7.30pm, fit-Teatru Astra, liema kunċert se jfakkar ir-rikorrenza speċjali tal-45 sena ta’ direzzjoni muzikali tal-Prof. Joseph Vella.

Biex wieħed jirriserva post jew jixtri xi biljetti għal kwalunkwe attivita’ fil-programm għandu jikkuntattja l-uffiċċju tal-Festival bin-numri 21550985, inkella bl-email [email protected] Is-sit elettroniku tal-Festival, www.mediterranea.com.mt, jagħti l-aħħar aġġornamenti kemm fuq l-Opra u kemm fuq il-Festival.

BOheme Launch-5