Join Us On:

News Archive

Kompożitur Residenti tal-Orkestra Fil. Nazzjonali

Is-Soċjeta’ Filarmonika La Stella tixtieq tifraħ lis-surmast direttur tagħha, il-Prof. Joseph Vella, għall-kariga ġdida tiegħu bħala kompożitur residenti fi ħdan l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Dan tħabbar nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Lulju mill-Ministru tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport Dolores Cristina, hekk kif ġie żvelat il-bord il-ġdid tal-istess orkestra. 

Il-Professur Vella, li għal dawn l-aħħar 39 sena kien id-direttur mużikali tas-Soċjeta’ Filarmonika La Stella, huwa wieħed mill-aqwa kompożituri f’pajjiżna, b’fama internazzjonali. Hu kiteb bosta xogħlijiet mużikali magħrufa li jinkludu fosthom solo, chamber, korali u sinfoniċi.  Il-kompożizzjonijiet tiegħu ġew imtella’ fl-Ewropa kollha, l-Amerika u l-Ġappun. Bħala direttur mużikali huwa mexxa diversi orkestri kemm f’Malta u kemm barra minn Malta (Malta National Orchestra, Sofia Philharmonic Orchestra, Prometheus Symphony Orchestra, Orquestra Nacional do Porto, Orchestra “Goffredo Petrassi” di Roma, “Gli Armonici” Palermo, Yamaha Foundation Symphony Orchestra, fost l-oħrajn). Mill-1970, hekk kif inħatar surmast direttur tas-Soċ. Filar. La Stella, hu mexxa lill-banda ċittadina La Stella għal numru kbir ta’ suċċessi mhux biss f’pajjiżna, imma anke barra minn Malta, fejn il-banda esegwiet numru ta’ programmi mużikali f’uħud mill-aqwa pjazez Ewropej. Fl-istess waqt, Mro Vella, mexxa wkoll l-opri liriċi kollha li ttellgħu fit-Teatru Astra mill-1978 ‘l hawn. Joseph Vella, huwa wkoll maestro di cappella tal-bażilika proto-parrokkjali ta’ San Ġorġ fil-belt Victoria. 

Is-Soċjeta’ La Stella tixtieq ukoll tifraħ lil Dr Maria Frendo, direttriċi tal-kor tat-Teatru Astra u leader tal-kor tal-bażilika Laudate Pueri,  li ġiet maħtura deputy chairperson tal-istess orkestra. Matul is-sena li għaddiet Dr Frendo serviet bħala membru tal-bord tad-diretturi tal-orkestra nazzjonali, u llum qed tokkupa waħda mill-ogħla karigi ta’ din l-orkestra. Dr Frendo hija lekċerer fl-Universita’ ta’ Malta, fejn tgħallem il-letteratura Ingliża.

Intant, Dr James Scerri Worley ġie maħtur bħala ċ-Chairman il-ġdid tal-Bord tad-diretturi tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Hu ħa post is-Sur Lino Attard li serva f’din il-kariga għal dawn l-aħħar snin. Il-membri l-oħra tal-bord tad-diretturi huma: Jacqueline Camilleri; Cynthia Caruana Turner; Sahra Spiteri; Joseph Camilleri u Franco Valletta. Jean Killick hija s-Segretarja tal-bord. Mro Michael Laus żamm il-pożizzjoni tiegħu bħala direttur residenti tal-orkestra.

Minn din il-paġna nixtiequ nifirħu lill-membri kollha li ġew maħtura f’dan il-bord, b’mod speċjali lill-Prof Joseph Vella u Dr Maria Frendo, li ser jokkupaw karigi prestiġjużi fi ħdan din l-orkestra – karigi li tassew jagħmlu ġieħ lilhom, iżda anke lis-Soċjeta’ La Stella u l-bażilika ta’ San Ġorġ. Minn qalbna nawgurawlhom kull suċċess.