Join Us On:

News Archive

KAST TA’ FAMA MONDJALI GĦALL-OPRA AIDA ĠEWWA T-TEATRU ASTRA

Il-baxx Carlo Colombara sinonimu mat-timbru awtorevoli li jipposjedi, ser jkun qed jiftaħ l-opra lirika Aida ġewwa t-Teatru Astra permezz tal-interpretazzjoni fill-parti ta’ Ramfis, il-qassis il-kbir. It-Teatru Astra għal darb’oħra qed iħabbar kast ċelebri għal din l-opra majestuża ta’ Verdi. Flimkien ma’ Colombara fl-irwol prinċipali, nsibu wkoll lil Silvia dalla Benetta. Silvia dalla Benetta mhux isem ġdid għat-Teatru Astra. Sejntejn ilu, l-istess sopran Taljana, sahhret lill udjenzi bl’ interpretazzjoni ta’ Abigaille fl-opra Nabucco, b’timbru ta’ vuci uniku.

Sanja Anastasia, wiċċ familjari mal-Arena di Verona ser tkun qed tagħmel id-debutt tagħha ġewwa t-Teatru Astra fil-parti ta’ Amneris. L-irwol erojku ta’ Radames ser ikun interpretat minn Antonio Intersiano, wiċċ mhux ġdid għat-teatru tagħna. It-tenur Antonino Intersiano jipposjedi vuċi qawwija li żgur ser tolqot lil dawk preżenti u tagħmel il-parti ta’ Radames waħda memorabli fl-opra ta’ din is-sena li hemm stennija kbira għaliha.

Wara s-suċċess miksub fl-opra lirika tas-sena li għaddiet La Boheme, fejn ukoll kien qed jagħmel id-debutt tiegħu f’ pajjiżna, Devid Cecconi ser jkun qed jinterpretta lir-rwol ta’ Amonasro. Cecconi kif issibuh l-kritiċi tal-opra huwa l-baritonu li permezz tal-vuċi tiegħu kapaċi “jagħti in-nar lill-qlub”. Dan l-artist kien recentament ingaġġat minn La Scala sabiex jissostitwixxi lil Carlos Alvares fl-irwol tassew diffiċli ta’ Giacomo fl-opra ta’ Verdi Giovanna d’ Arco li ttellgħet fis-serata tal-ftuħ tal-istaġun kurrenti tal-opra u li rċeviet reviews mil-aktar pożittivi. Il-Baxx Petri Lindroos ser jkun qed jinterpretta il-parti tar-Re tal-Eġittu. Lindroos li ukoll hu mogħni b’vuċi mil-isbaħ żgur ser jkun qed jikkumplimenta lil Colombara u jsaħħruna bil-vuċijiet tagħhom.

L-opra Aida tifforma parti mil-15-il edizzjoni tal-Festival Mediterranea u qed tittella’ bil-ghajnuna tal-Gozo Cultural Support Programme imniedi mill Kunsill Malti ta’ l-Arti. Bookings jistgħu jsiru onlajn fuq il-websajt www.teatruastra.org.mt. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-websajt www.mediterranea.com.mt jew icempel fuq +356 2155 0985.