Join Us On:

News Archive

KARNIVAL IKKARATTERIZZAT MINN BRIJU U OFFIŻI

Issa li ntemmu l-jiem brijużi tal-karnival f’Għawdex, wieħed jista’ jagħti ħarsa lejn x’ikkaratterizza dawn il-jiem fil-gżira ċkejkna tagħna. Bla dubju fuq fomm kulħadd huwa l-ammont kbir ta’ Maltin li qasmu lejn gżiritna biex jiċċelebraw flimkien magħna dawn il-jiem tal-karnival. Fil-fatt skond ċifri maħruġa mill-kumpanija ewlenija li topera bejn Malta u Għawdex: il-Gozo Channel, in-numru ta’ persuni li qasmu bejn iż-żewġ gżejjer qabel il-ħamsin elf – ċifri rekord li jawguraw tajjeb ferm.
 
Bla dubju ħsiebna jmur fuq il-parteċipazzjoni tas-Soċjetà tagħna fil-karnival reġjonali ta’ Għawdex u anke f’dak lokali organizzat minn diversi kunsilli lokali fi gżiritna. Fil-fatt is-Soċjetà tagħna kienet irrapreżentata b’karru trijonfali bl-isem: Pirati u Gladjaturi: tal-Mużika l-aqwa unuri – li kklassifika f’kategorija B. Iż-żgħażagħ li ħadmu dan il-karru rċivew bosta kumplimenti għal dan ix-xogħol artistiku li tgawda minn bosta fil-jiem tal-karnival f’beltna kif ukoll fl-irħula tan-Nadur u tax-Xagħra. Fil-fatt f’kummenti li George James Cutajar Zahra (wieħed mid-disinjaturi) għadda lil dan is-sit, qalilna li l-grupp kollu jinsab sodisfatt bil-wirja li ta, u li x-xogħol intogħġob ferm. Huwa tenna wkoll li l-ħsieb huwa li sena oħra dan il-grupp ta’ żgħażagħ ferm ħabrieki fis-Soċjetà tagħna jerġa’ jipparteċipa fil-Karnival reġjonali ta’ Għawdex. Minn din il-paġna nixtiequ nifirħu u nawguraw aktar suċċessi liż-żgħażagħ tagħna.
 
Il-karnival ta’ din is sena sfortunatament kien immarkat ukoll minn offiżi gratwiti minn sezzjoni ta’ partitarji tal-banda Il Leone li pparteċipaw fil karnival. Il-media lokali rrappurtat il-protest uffiċċjali li sar min-naħa tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, li ġibdet għall-attenzjoni tal-forzi tal-ordni ksur tal-liġi, li jikkostitwixxi vilipedju lejn ir-reliġjon nisranija wara li kitba: ‘Porta Salutis’ (Kristu il-Bieb tas-salvazzjoni) – b’riferenza ovvja għall-Bażilika Proto-Parrokkjali ta’ Għawdex, sfat fil-mira tar-ridikulaġni tal-partitarji tal-banda Il Leone. Din il-ktiba sabet ruħha fuq maskarun tal-karnival bit-tema ”Min b’torri u min b’fortizza u Pinocchio b’tal-laħam spiċċa” ta’ Kurt Azzopardi, membru tal-banda Il Leone. Il-pulizija immedjatament waqqfet dan l-abbuż gravi u dawn il-maskri ma ngħatawx permess li jieħdu sehem fil-karnival. 

Fil-pontifikal ta’ Ras ir-Randan li sar fil-Katidral fiċ-Cittadella, l-Isqof ta’ Għawdex f’sezzjonijet tal-istampa lokali , b’riferenza għall-karnival ta’ Għawdex, ġie kkwotat jgħid ”li hu tal-mistħija kif diversi persuni bl-azzjonijiet tagħhom qed jimminaw id-diċenza pubblika u id-dinjità umana”.

 
Minn din il-paġna nixtiequ nikkundannaw dan il-ġest tal-mistħija, li tassew jagħmel għajb lil min għamlu, appoġġjah u ddefendieh!

26.02.2009