Join Us On:

News Archive

KAPPILLAN ĠDID GĦALL-FONTANA

Wara li nhar it-Tnejn 21 ta’ Jannar 2013, l-E.T. Mons. Isqof Mario Grech ħatar lill-Kan. Dun John Muscat bħala kappillan ġdid tal-Parroċċa tal-Fontana, illum sar l-ingress uffiċċjali tiegħu. Dun John huwa mill-parroċċa ta’ Sannat u ġie ordnat saċerdot minn idejn il-Q.T. il-Papa Gwanni Pawlu II nhar il-31 ta’ Mejju 1984. Wara l-ordinazzjoni tiegħu huwa ġie mibgħut fid-Djoċesi ta’ Camden, fi New Jersey. Lura Għawdex fis-sena 2007 ħadem bħala kappillan tal-kor fil-Knisja Katidrali, rettur tal-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu fix-Xlendi u awditur fit-Tribunal tal-Knisja f’Għawdex.
Dalgħodu qabel il-konċelebrazzjoni solenni fil-Parroċċa tal-Fontana sar marċ mill-Banda La Stella flimkien mal-Banda Santa Margerita ta’ Sannat. Huma mxew matul it-triqat prinċipali quddiem il-Kan. Dun John Muscat li kien akkumpanjat mill-familjari u l-ħbieb tiegħu.

Dan l-avveniment laqqa’ flimkien il-parruċċani tal-istilla ma’ żewġ parroċċi li magħhom dejjem kellna rabtiet mill-qrib u storiċi, dawk tal-parroċċa ta’ Santa Margerita ta’ Sannat u dik tal-Qalb ta’ Ġesu tal-Fontana.
Minn din il-paġna nixtiequ nifirħu lill-Kan. Dun John Muscat f’din il-ħatra ġdida. Ad multos annos !