Join Us On:

News Archive

JITĦABBAR IL-KAST TAN-NABUCCO TAT-TEATRU ASTRA

Carlo Colombara Silvia dalla Benetta (2)

It-Teatru Astra bi pjaċir iħabbar il-kast għaż-żewġ rappreżentazzjonijiet tal-opra Nabucco ta’ Giuseppe Verdi, nhar il-Ħamis 23 u s-Sibt 25 ta’ Ottubru 2014. Eżattament għoxrin sena wara li din l-opra ttellgħet fl-istess teatru, kast formidabbli u ta’ ħila se jkun qed itella’ mill-ġdid din il-produzzjoni impenjattiva.

Ir-rappreżentazzjonijiet tan-Nabucco għal sena oħra ħa jkunu fil-qalba ta’ Festival Mediterranea. L-opra fit-Teatru Astra hi sinonima ma’ produzzjonijiet mill-aqwa u mużika tal-ogħla livell. Għadha friska l-memorja ta’ produzzjonijiet riċenti bħal Norma, Madama Butterfly u Otello, biex ma nsemmux Macbeth, Turandot, Aida u għadd ta’ opri oħra li għollew il-livell tal-produzzjonijiet operistiċi f’pajjiżna.

Fuq quddiem tal-kast din is-sena nsibu lill-baritonu Taljan Piero Terranova, li kanta fl-aqwa teatri tal-opra fl-Ewropa, bħal La Scala, fost l-oħrajn. Il-parti diffiċli ta’ Abigaille sa tiġi interpretata minn solista oħra Taljana, din id-darba s-sopran Silvia dalla Banetta. Famuża għall-vuċi brillanti imma fl-istess ħin sobrja tagħha, b’medda wiesgħa u coloratura mill-ifjen, Silvia dalla Benetta hi garanzija ta’ Abigaille mill-aqwa.

Il-baxx ta’ fama dinjija Carlo Colombara se jkanta l-parti tal-Qassis il-Kbir, Żakkarija. Meqjus mill-kritiċi bħala l-baxx ideali għall-opri ta’ Verdi, għandu vuċi qawwija, sabiħa fit-ton u b’timbru sobrju, wieħed li rah jikseb kritika pożittiva immens għal partijiet bħal ta’ Filippu II f’Don Carlos, Ramfis f’Aida u bosta oħrajn. Hu kanta fl-akbar teatri madwar id-dinja flimkien ma’ kantanti u diretturi mużikali ta’ fama kbira, fosthom Placido Domingo, Maria Guleghina, Antonio Pappano u Zubin Mehta, biex insemmu biss uħud.

Mhux wiċċ ġdid fuq il-palk tal-Astra dak ta’ Cliff Zammit Stevens, li se jkun qed jiddebutta f’Malta fir-rwol prinċipali ta’ tenur, dak ta’ Ismaele. Hu diġà interpreta b’suċċess ir-rwoli ta’ Goro f’Madama Butterfly u Cassio fl-Otello, b’vuċi ċara u ħelwa li hi ideali għall-parti ta’ Ismaele. Fenena sa titkanta minn Olga Slepnynova, li ħafna jiftakruha tinterpreta b’mod eċċellenti l-partijiet ta’ Suzuki f’Madama Butterfly u ta’ Emilia fl-Otello s-sena l-oħra.

Nabucco hi waħda mill-ewwel opri li kiteb Verdi, waħda li kkawżat kontroversja kbira meta ġiet ippreżentata l-ewwel darba lill-pubbliku, minħabba d-doża mħeġġa ta’ nazzjonaliżmu li fiha, il-karbiet tagħha għall-ħelsien minn taħt l-oppressjoni politika, u l-post storiku li kisbet għaliha nfisha matul is-sekli. Imma dawk li jħobbu l-opra m’għandhomx dan biss f’moħħhom meta jisimgħu bin-Nabucco – malli jitlissen isimha, ħsiebhom dritt imur fuq ir-rwol kbir li għandu l-kor fiha. Fin-Nabucco l-kor għandu l-parti ewlenija, hu protagonist li l-kwalità tal-kontribut tiegħu kapaċi tgħolli produzzjoni mas-sema jew tniżżilha ma’ wiċċ l-art. In-Nabucco hi opra litteralment miżgħuda b’partijiet korali, fejn il-kor hu l-fus li fuqu ddur l-opra kollha. Il-Kor tal-Opra tat-Teatru Astra matul dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena għamel isem għalih innifsu fix-xena lokali. Magħmul mill-aqwa elementi fuq il-gżejjer, għal sena oħra sa jkun imsaħħaħ minn grupp ta’ kantanti professjonali minn Ruma.

Enrico Stinchelli, isem li jġorr miegħu l-fama ta’ La Barcaccia, qiegħed għal sena oħra jiġi fdat bil-produzzjoni artistika, waqt li Joseph Vella, id-Direttur Mużikali tat-Teatru Astra u d-Direttur Artistiku ta’ Mediterranea, sa jkun qed jidderieġi lill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta f’dawn iż-żewġ produzzjonijiet.

It-Teatru Astra qed jingħata l-appoġġ tal-fondi pubbliċi permezz ta’ arranġament kulturali mal-Gvern Malti. Imsieħba oħra f’dan il-proġett jinkludu l-Bank of Valletta, Citadel Insurance, General Softdrinks Co Ltd u l-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria.

Reservations u bookings jistgħu jsiru fuq in-numri 21550985 jew email [email protected]. Il-websajt tal- festival www.mediterranea.com.mt. qed tagħti l-aħħar dettalji fuq l-opra u l-festival.

nabucco banner