Join Us On:

News Archive

JINGĦATA BIDU GĦALL-PROVI TAL-OPRA

Hekk kif ninsabu resqin lejn tmiem ix-xahar t’Awwissu, minn issa nibdew bil-preparamenti għall-wieħed mill-akbar avvenimenti organizzat kollu kemm hu mis-Soċ. Filar. La Stella, Festival Mediterranea. Dan il-festival kulturali uniku fi gżiritna wasal fis-seba’ edizzjoni tiegħu, u din is-sena ser ikun mifrux fuq aktar minn xahar bejn Ottubru u Novembru. M’hemmx dubju li l-aktar avveniment importanti f’dan il-festival huwa l-opra lirika li tittella’ ġewwa t-Teatru Astra. Din is-sena kif ħabbarna, fi Frar li għadda, ser tittella’ l-opra ta’ Giacomo Puccini Turandot. Din l-opra, ser tittella’ għat-tieni darba fit-teatru tagħna, wara li kienet ittellgħet b’suċċess f’Ottubru tas-sena 1995.

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, bdew l-ewwel provi tal-kor ta’ l-opra, li għal darb’oħra ser ikun taħt id-direzzjoni ta’ Dr Maria Frendo. Il-kor ta’ l-opra tat-teatru tagħna, li element kbir minnu ġej mill-kor Laudate Pueri tal-bażilika ta’ San Ġorġ, illum il-ġurnata kiseb isem kbir f’dan il-qasam. Il-provi ser ikomplu fil-jiem li ġejjin. Ix-xogħol fuq ix-xenarju ser jibda wkoll fil-jiem li ġejjin biex sa meta jaslu d-direttur artistiku u s-solisti, kollox ikun ippreparat. Intant, il-bejgħ tal-biljetti għaż-żewġ rappreżentazzjonijiet ta’ l-opra jinsab għaddej b’ritmu tajjeb. Bi pjaċir nistgħu ngħidu wkoll li din is-sena kellna sejħa kbira għall-biljetti min-numru kbir ta’ barranin li ġejjin propju f’pajjiżna għal Festival Mediterranea. Aktar aġġornamenti fuq dan l-avveniment fil-ġimgħat li ġejjin.

Bookings: [email protected]
General Enquiries: [email protected]
www.mediterranea.com.mt