Join Us On:

News Archive

JIFTAĦ IL-BOOKING GĦAN-NABUCCO

1994_Nabucco_Medium Nabucco

It-Teatru Astra għandu l-pjaċir iħabbar il-produzzjoni tal-opra immortali ta’ Giuseppe Verdi Nabucco, li għal darb’oħra ħa tkun l-aktar appuntament mistenni fil-kalendarju mimli ta’ Festival Mediterranea 2014. Hekk wara għoxrin sena n-Nabucco qed terġa’ lura fuq il-palk tal-Astra, billi l-aħħar li ttellgħet f’dan it-teatru kien fl-1994, produzzjoni li kienet suċċess kbir kemm f’għajnejn il-kritiċi u kemm mal-pubbliku.

In-Nabucco hi kapulavur ta’ Verdi u fil-fatt baqgħet waħda mill-iżjed opri popolari li qatt kiteb; dan hu dovut l-aktar għar-rwol importanti li għandu l-kor f’din l-opra. Fil-fatt, il-kor tan-Nabucco hu meqjus wieħed mill-protagonisti ewlenin, flimkien mal-partijiet ta’ Nabucco u Abigaille.

L-opra Nabucco sa tittella’ nhar il-Ħamis 23 u s-Sibt 25 ta’ Ottubru 2014. L-Orkestra Filarmonika Nazzjonali tkun taħt id-direzzjoni tal-Professur Joseph Vella, Direttur mużikali u artistiku tat-Teatru Astra u ta’ Festival Mediterranea, waqt li d-direzzjoni artistika tal-opra ġiet fdata mill-ġdid fl-idejn abbli ta’ Enrico Stinchelli.

Il-booking issa hu miftuħ fuq 21550985 u 79256897 jew [email protected]. Lil dawk li huma interessati jattendu għal din il-produzzjoni, inħeġġuhom jikkuntattjawna mill-aktar fis biex inkunu nistgħu nżommulhom l-aħjar postijiet li jixtiequ fis-sala. Diġà hemm għadd sabiħ ta’ siġġijiet ibbukkjati!

Hu pjaċir tagħna li nerġgħu nilqgħukom fostna biex flimkien niċċelebraw l-imħabba tagħna lejn l-opra!