Join Us On:

News Archive

JIFTAĦ L-ISTAĠUN TAL-FESTI

Il-bieraħ, fir-raħal ċkejken tal-Munxar, ġiet iċċelebrata l-festa f’ġieh San Pawl. Dan ir-raħal għandu rabtiet speċjali mas-Soċjetà tagħna. Ir-rabta tagħna ma’ dan ir-raħal kompliet tikber issa li bħala kappillan insibu wild il-Parroċċa ta’ San Ġorġ, il-Kan. Tonio Galea, saċerdot żgħażugħ, li proprju ftit tax-xhur ilu, Mons. Isqof tah f’idejh din il-parroċċa.

Il-banda ‘La Stella’ bħal dejjem, ġiet mistiedna biex tagħmel marċ u programm mużikali fil-pjazza ewlenija tar-raħal. Kienet il-banda tagħna wkoll, li laqgħet il-ħruġ ta’ l-istatwa ta’ San Pawl bid-daqq ta’ l-innu l-kbir, kompożizzjoni tal-Prof. Joseph Vella.

Is-servizz tal-bieraħ, li kien l-ewwel impenn għall-banda ‘La Stella’ f’dan l-istaġun tal-festi, beda b’marċ fis-7.00pm madwar xi toroq ċentrali f’dan ir-raħal. Hekk kif il-banda waslet fil-pjazza, sabet postha fuq il-planċier, fejn hemm laqgħet il-ħruġ tal-purċissjoni bid-daqq ta’ l-innu l-kbir, bis-sehem tal-kor tal-parroċċa. Eżattament wara ndaqq ukoll l-innu marċ, kompożizzjoni ta’ Vincenzo Ciappara.

Il-banda, li kienet taħt id-direzzjoni tal-Assistent Surmast, Mro Noel Beck, imbagħad esegwiet programm mużikali. Is-siltiet esegwiti kienu: Selezzjoni mill-opra lirika “Norma” ta’ Vincenzo Bellini; “Italian Festival” ta’ Glenn Osser; il-marcia “Stella d’Italia” ta’ Giovanni Parisi; u “Overture No. 1 in Bb” ta’ Sunny Galea – programm b’mużika varjata li kompla sebbaħ l-atmosfera festiva fil-qalba tar-raħal.

L-impenn li jmiss għall-banda ‘La Stella’ huwa nhar id-9 ta’ Ġunju 2007, meta dakinhar niċċelebraw Jum il-Belt Victoria, u ż-żewġ baned ta’ din il-belt ser itellgħu programm mużikali fi Pjazza Indipendenza. L-għada, imbagħad ikun imiss servizz ieħor, din id-darba fil-festa tas-Salvatur fir-raħal ċkejken ta’ l-Għasri, fejn il-banda ser takkumpanja l-purċissjoni bid-daqq ta’ marċi proċessjonali.