Join Us On:

News Archive

JIBDEW IS-SERVIZZI FL-IRĦULA

Illum il-Banda Ċittadina La Stella fetħet l-istaġun tal-festi tal-2012 bl’ewwel servizz fil-Munxar li kien jikkonsisti f’marċ qasir u programm mużikali fil-Pjazza prinċipali tal-istess raħal.  L-istaġun tal-festi għall-Banda Cittadina La Stella hu wieħed impenjattiv, probabbli aktar minn dak ta’ ħafna baned oħra. Id-diversi stediniet li jkollha l-Banda f’numru kbir ta’ rħula f’Għawdex jindika r-rabtiet importanti u storiċi li divesi kommunitajiet parrokkjali u rħula dejjem kellhom mas-Soċjetà Filarmonika La Stella tal-Belt Victoria, xhieda ħajja oħra ta’ kemm il-Banda La Stella hi u kienet forza kulturali u mużikali fi gżiritna. 
 
Il-Banda La Stella  fil-Munxar wara l-marċ li ppreċeda l-ħruġ tal-purċissjoni, sellmet l-San Pawl Nawfragu, patrun tal-Munxar bid-daqq tal-Innu l-Kbir u wara esegwiet programm mużikali taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur Prof. Joseph Vella. Fost il-biċċiet li ndaqqu kien hemm numru ta’ soundtracks minn films importanti u ta’suċċess. Din l-mużika ntlaqgħet tajjeb minn numru kbir ta’ nies preżenti għal dan l-ewwel appuntament tal-festi ta’gżiritna li tiegħu l-Banda Ċittadina La Stella hi waħda mill-protagonisti.
 
Is-servizzi tal-Banda La Stella li jmiss jinkludu aktar kunċerti biex jitħejja s-sett ta’ marċi l-ġdid għall-2012 u aktar servizzi fl-irħula b’rabta mal-istaġun tal-festi li għadu kemm beda.