Join Us On:

News Archive

JIBDEW IL-PROVI GĦAL MILIEDFEST – THE LA STELLA GRAND CHRISTMAS SHOW

Nhar il-Ħadd, 2 ta’Diċembru, kmieni wara nofsinhar, il-palk tat-Teatru Astra kien mimli b’għadd sabiħ ta’ tfal, żgħażagħ u adulti għall-ewwel provi bi tħejjija għall-ispettaklu Miliedfest – The La Stella Grand Christmas Show, li sa jsir nhar is-Sibt, 22 ta’ Diċembru, fit-8.00pm.
Il-provi qed jitmexxew minn Antonella Zammit, assistita minn Georgianne Mizzi u mgħejjuna minn membri tal-Għaqda Armar Festa San Ġorġ li qed ittella’ din il-produzzjoni. Il-mużika, ż-żfin, id-drama, l-umoriżmu, id-dwal u x-xenarji tipiċi tal-Milied huma l-karatteristiċi ewlenin ta’ dan l-ispettaklu li fih, fost l-oħrajn, sa jieħdu sehem il-banda ċittadina La Stella, il-kor Laudate Pueri, Centre Stage Dance Academy, The Power House, Dance Cradle u l-kumpanija teatrali tas-Soċjeta’ Filarmonika La Stella magħmula minn tfal, zgħazagħ u adulti.
Il-provi jissoktaw matul din il-ġimgħa, u dawk il-ġenituri li jixtiequ lil uliedhom jieħdu sehem f’dan l-ispettaklu għandhom jibgħatu messaġġ fuq 79497254 jew iħallu nota bil-miktub u bil-kuntatt personali tagħhom fil-bar tat-Teatru Astra, sa’ mhux aktar tard min-nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Diċembru.
Sadanittant, il-booking għall-ispettaklu ‘Miliedfest – The La Stella Grand Christmas Show’ fetaħ nhar il-Ġimgħa li għaddiet, 30 ta’ Novembru u huwa miexi ġmielu. Għaldaqstant, minn hawnhekk inħeġġu lil kull min hu interessat sabiex ma jħallix għall-aħħar imma jċempel fuq 99021591, jew jibbukkja direttament fit-Teatru Astra, miftuħ kuljum bejn is-7.00am u l-10.00pm.