Join Us On:

News Archive

JIBDA L-ĠBIR TA’ FONDI GĦALL-FESTA

Madwar xahrejn oħra nkunu qed niċċeleberaw il-festa ta’ San Ġorġ, appuntament ewlieni għall-Belt Victoria u Għawdex u għas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-parroċċa ta’ San Ġorġ li huma l-organizzaturi tal-festa esterna u interna ta’ San Ġorġ rispettivament.

Il-festa ta’ San Ġorġ hi ċelebrazzjoni kbira li tferraħ lill-kommunità tagħna u lil ħafna Għawdxin, Maltin u barranin oħrajn li jkollhom l-opportunità li jingħaqdu magħna f’dawk il-ġranet sbieħ ta’ Lulju. Il-festa hi ukoll waħda mill-attivitajiet l-aktar importanti għas-Soċjetà La Stella li bi dritt u b’unur torganizza l-festa esterna. Dan id-dritt u unur għandu jħossu kull partitarju tas-Soċjetà La Stella u filwaqt li jħares lejn il-festa bħala okkażjoni ta’ ċelebrazzjoni u anke’ divertiment, jifhem ukoll l-obbligu li joffri s-sehem tiegħu, anke b’kontribuzzjoni finanzjarja għall-festa.

Tistgħu timmaġinaw kemm qed jikbru l-ispejjes għal kull aspett tal-festa! Minn sena għal sena l-ammont ta’ flus li nkunu neħtieġu biex nagħmlu l-festa qed jikber u, jiddispjaċina ninnutaw li l-kontribuzzjonijiet li qed jirnexxielna niġbru għal dawn il-festi mhux dejjem qed ilaħħqu mal-ispejjes involuti. Din is-sena bi pjaċir nistghu nħabbru li grazzi għall-għajnuna ta’ numru ta’ benefatturi, il-festa tagħna ser ikollha numru rekord ta’ Baned Maltin. Aktar dettalji fil-programm tal-festa li joħrog fil-ġimgħat li ġejjin!

Fil-ġranet li ġejjin membri tal-Kumitat Ġenerali tas-Soċjetà La Stella tagħna ser jibdew il-kampanja ta’ ġbir għall-festa fit-toroq tal-belt tagħna. Nappellawlkom biex, din is-sena, tfittxuhom minn rajkom iktar bil-ħerqa ħalli tagħtuhom il-kontribuzzjonijiet tagħkom għal dan il-għan. Inhossu li kull min hu partitarju għandu jikkontribwixxi skond il-mezzi tiegħu.

Nappellaw ukoll liż-żgħażagħ li bdew jaħdmu u issa għandhom paga biex intom ukoll tiġu konxji mid-dmir li għandkom li tfittxu lil min ikun qed jiġbor għall-festa biex tagħtu r-rigal li jixraqlu San Ġorġ tagħna.

Nieħdu din l-okkażjoni wkoll biex, filwaqt li nsellemu lill-Banda u lil kull sotto kumitat involut fil-preparazzjoni għall-festa nawguraw li meta tasal it-tielet ġimgħa ta’ Lulju, ngawdu flimkien l-frott tal-ħidma tagħna lkoll bil-festi kbar li jirnexxielna nagħmlu lill-kbir Patrun ta’Beltna u Ġżiritna San Ġorġ.

Kumitat Ġenerali
Soċjetà Filarmonika La Stella

(Photos by Ted Attard, CVC Media, Franco Tabone and others downloaded from Facebook)